It-Teatru Manoel qed ifittex l-aqwa talent mużikali sabiex jieħu sehem fl-‘Annual Family Easter Show 2026’. Il-programm ta’ tagħlim u parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel, TOI TOI, jiffoka fuq opportunitajiet ta’ taħriġ u prestazzjoni, li jinkludu rakkont permezz tad-drama mużikali u moviment. TOI TOI jinsabu ħerqana li jaraw uċuh ġodda jieħdu sehem f’din il-produzzjoni.
Fl-2016, TOI TOI ospitaw l-ewwel kunċert tal-Għid tagħhom, li fih kienu ħadu sehem il-Big Band Brothers u minn dakinhar sal-lum, dan il-kunċert kompla dejjem jikber. L-awdizzjonijiet huma miftuħa għal pjanisti u kantanti li għandhom bejn 8 u 15-il sena sabiex jieħdu sehem fl-għaxar anniversarju ta’ dan l-avveniment.
TOI TOI huma kommessi li jkomplu jagħtu opportunitajiet ġodda lil dawn it-tfal sabiex ikunu l-futur tal-arti performattiva fil-qalba tat-Teatru Nazzjonali ta’ pajjiżna.
Wieħed jista’ japplika għal dawn l-awdizzjonijiet sa nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju 2025, billi jibgħat email fuq [email protected]. L-awdizzjonijiet se jsiru nhar il-Ħadd 1 ta’ Ġunju 2025.