Sunday, December 22, 2024

“It-teknoloġiji offshore llum żviluppaw ferm u f’pajjiżna għandna inġiniera esperti”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bħala Kamra, ser nieħdu sehem sħiħ fil-konsultazzjoni pubblika u nwasslu l-kummenti tal-membri tagħna.” Iddikjara dan l-Inġinier Malcolm Zammit hekk kif fl-ewwel reazzjoni tiegħu ma’ dan is-sit qalilna li l-Kamra tal-Inġiniera wkoll laqgħet t-tnedija ta’ dan id-dokument ta’ politika nazzjonali u li jemmnu li dan għandu jservi bħala pass sabiex Malta tibda tiġġenera iktar enerġija permezz ta’ sorsi rinovabbli. Kompla biex jgħidilna li t-teknoloġiji offshore illum żviluppaw ferm u f’pajjiżna għandna Inġiniera li huma esperti f’dawn it-teknoloġiji li flimkien ma’ professjonisti oħrajn jistgħu jwittu s-suċċess għal proġetti f’dan il-qasam.

Mistoqsi rigward il-potenzjal tal-baħar Mediterran huwa qalilna li l-art disponibbli għall-pajjiż tagħna hija limitata ħafna għalhekk l-ibħra ta’ madwarna joffru potenzjal akbar biex niġġeneraw l-enerġija rinovabbli. Il-fatt li Malta hija gżira żgħira iżżid ma’ dan il-potenzjal hekk kif is-soluzzjonijiet jistgħu ikunu mtejba permezz tal-pożizzjoni li tkun tista’ tintuża fiż-żona disponibbli fil-baħar. Kompla biex jelabora li f’din il-fażi l-inġinerija ser tkun indispensabbli. Il-baħar ser ikun partikolarment importanti biex il-pajjiż jibda jibbenefika mill-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ, sors alternattiv li sa issa mhuwiex sfruttat.

“Il-proġetti offshore għandhom ikunu indispensabbli għall-miri ta’ enerġija rinovabbli u biex, flimkien ma’ inizzjattivi oħrajn, tiġi miġġielda r-realtà tat-tibdil fil-klima. Proġetti f’dan il-qasam mistennija joħolqu opportunitajiet ġodda għal Inġiniera u tekniċi kif ukoll numru ta’ ‘green jobs’. Dawn il-proġetti mistennija jkunu xempju ta’ sostennibilita’ fejn l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi jkunu f’bilanċ”, temm jgħid Zammit.

Ekonomija

Sport