Sunday, December 22, 2024

“It-telfa ta’ Rayan ikkonfermat il-kobor tal-umanità”… Mijiet jattendu għall-funeral ta’ Rayan

Aqra wkoll

Mijiet ta’ persuni lllum inġabru għall-funeral ta’ Rayan, it-tifel Marokkin li nqabad f’bir iżda sfortunatament tilef ħajtu minkejja operazzjoni ta’ salvataġġ li damet għaddejja ħamest ijiem.

Dawk li xtaqu jagħtu l-aħħar tislima tagħhom lil Rayan telgħu t-triq bla asfalt li twassal għaċ-ċimiterju f’Ighran, qrib Chefchaouen fit-Tramuntana tal-Marokk, fejn stennew għal sigħat għall-funeral biex josservaw ir-ritwali tad-dfin Musulmani.

“Għandi aktar minn 50 sena u qatt ma rajt daqstant nies f’funeral. Rayan huwa t-tifel tagħna lkoll,” qal wieħed minn nies tal-lokal.

“It-telfa ta’ Rayan ikkonfermat il-kobor tal-umanità hekk kif nies b’lingwi differenti u minn pajjiżi differenti esprimew solidarjetà,” qal raħħal ieħor.

Il-midja tal-post rrapportat li wħud minn dawk li attendew imxew sa tmien kilometri biex jaslu saċ-ċimiterju, wara li l-awtoritajiet kienu sfurzati jwaqqfu l-karozzi milli jaslu fiż-żona minħabba li l-ispazju disponibbli kien wieħed limitat.

“Ninsab imdejjaq ħafna. Ħdimna u għamilna kull sforz biex nilħqu lit-tifel ħaj. Aħna skavajna bla waqfien f’ħamest ijiem dak li seta’ jieħu ġimgħat,” qal wieħed mill-voluntiera, Ali Sahraoui, lill-ġurnalisti waqt il-funeral.

Nhar is-Sibt, apparti mill-għadd kbir ta’ nies madwar id-dinja, ir-Re Mohammed VI, il-Papa Franġisku u l-President Franċiż Emmanuel Macron kienu fost dawk li taw il-kondoljanzi tagħhom lill-ġenituri ta’ Rayan.

Plejers tal-futbol Eġizzjani u Senegaliżi żammew minuta silenzju l-Ħadd qabel il-kickoff tal-finali tat-tournament tal-futbol tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.

Ekonomija

Sport