Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-tennis?
Minn dejjem kont interessat fl-isport. Kont nilgħab kull sport: futbol, tennis, basketball, handball, eċċ. Imma, missieri u ommi xtaquni nilgħab tennis u futbol bis-serjetá, speċjalment it-tennis, peressli missieri, iz-ziju u n-nannu, kienu kollha lagħbu mat-tim nazzjonali ta’ Malta tat-tennis.
Bdejt nilgħab it-tennis m’ommi fil-kamra tas-sodda tiegħi meta kelli sentejn u hi kienet titfagħli ballun tal-isponża u jien kont nuża rakketta żgħira biex nolqot il-ballun.
X’kienu l-aħħar esperjenzi li kellek f’dan l-isport li tant tħobb?
Wara l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra, ipparteċipajt fid-Davis Cup għal Malta fil-Grupp 3 tal-Ewropa, fejn ksibt xi riżultati tajbin imma sfortunatament ma rnexxiliex nilgħab logħba waħda deċiżiva fid-doubles, li jfisser li spiċċajna fil-ħames post minn sitt timijiet.
Wara, iffokajt aktar fuq kompetizzjonijiet individwali billi ħadt sehem f’tournaments tal-futures fit-Tuneżija.
Issa se nivvjaġġa lejn l-Awstrija u r-Rumanija biex nikkompeti f’aktar tournaments tal-futures qabel ma nerġa’ lura Malta għat-taħriġ, nikkompeti fl-Open ta’ Birkirkara u nippjana l-postijiet fejn se mmur nikkompeti għall-bqija tas-sena.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra?
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 kienu esperjenza tajba għalija … l-ewwel edizzjoni tiegħi bħala plejer.
Irbaħt il-logħba tal-ewwel rawnd tiegħi b’mod komdu iżda kelli logħba iebsa fil-kwarti tal-finali kontra n-numru 1 ta’ Ċipru.
It-tim kollu kemm hu mar tajjeb billi rebaħ żewġ midalji tal-bronż fis-Singles u żewġ midalji tal-fidda fid-doubles.
Nistenna bil-ħerqa l-edizzjoni li jmiss fejn nimmira li nirbaħ diversi midalji.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Meta kelli 19-il sena, irbaħt l-ewwel open tat-tennis f’Malta tal-irġiel, il-Vittoriosa, u mbagħad sirt in-numru wieħed fis-singles u doubles f’Malta fl-2021.
Is-sena li għaddiet mort nistudja u nilgħab għall-Universitá ta’ Loughborough fl-Ingilterra, universitá magħrufa għall-isport, u żviluppajt hemmhekk għal sena u nofs. Wara, ġejt lura Malta u rbaħt it-tournaments lokali kollha tas-singles u d-doubles.
Apparti minn hekk, qed nikkommpeti barra minn Malta u s-sena l-oħra rbaħt l-ewwel punt tal- ATP fis-singles u d-doubles u sirt World Ranked Tennis Player għall-ewwel darba fil-karriera tiegħi.
Ħag’oħra li tagħmilni kburi ħafna hi li għall-aħħar erba’ snin kelli l-opportunitá li nirrapreżenta lil Malta f’kometizzjoni bħad-Davis Cup u l-Logħob tal-mediterran, fejn is-sena l-oħra ġejna promossi minn Grupp 4 għal Grupp 3.
X’tikkummenta fuq il-livell tat-tennis f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tat-tennis f’pajjiżna qed jogħla. Bħalissa, għandna żewġ plejers biss tal-irġiel li qed jilagħbu t-tennis b’mod profezzjonali, inkluż jien, u għan-nisa, għandna tnejn oħra. Hemm iktar kowċis ikkwalifikati u ħafna plejers żgħażagħ tajbin. Il-federazzjoni l-ġdida li għandna qed jipprovaw jipprovdu sapport lill-plejers żgħażagħ li jilagħbu t-tennis biex il-futur tat-tennis hawn Malta ikun wieħed promettenti.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Hawn Malta il-postijiet fejn tista’ tittrenja u l-plejers kontra min tista’ tilgħab huma limitati. Biex tikkompeti u tittrenja kontra plejers tajbin trid bilfors issiefer. Ovvjament biex issiefer hemm ħafna spejjeż. Apparti minn hekk il-kompetizzjonijiet uffiċjali jkunu barra minn Malta. Pereżempju, ivvjaġġajt sa postijiet bħall-Portugal, l-Ingilterra, it-Tuneżija u l-Polonja biex nilgħab peressli m’għandniex dawk it-tipi ta’ kompetizzjonijiet hawn Malta. Madankollu, din is-sena għall-ewwel darba fil-bidu ta’ Novembru, ħa jkollna l-ewwel kompetizzjoni uffiċjali tal-punti f’Malta.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-tennis?
Bħalissa, qed nipprova nsib mezzi differenti fejn nista’ nkompli nilgħab t-tennis full-time, kif qed nagħmel bħalissa. Ovvjament, biex tilgħab it-tennis għandek bżonn ħafna riżorsi li għandi bżonn naħdem għalihom.
Nara lili nnifsi nkompli nittrenja u naħdem għat-targwardi tiegħi biex intejjeb ir-ranking tiegħi fid-dinja, kif ukoll nilgħab u nirbaħ il-midalji u l-unuri għal Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab it-tennis u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
It-tennis, bħal kull sport ieħor, huwa kollu dwar l-isforz u x-xogħol iebes li tagħmel waħdek fit-taħriġ. Għandek bżonn il-mentalitá li jiġri x’jiġri ħa tmur għat-taħriġ u tagħmel l-aħjar li tista’. L-għan ta’ kull trasessjoni ta’ taħriġ għandu jkun biex tkun aħjar milli kont ilbieraħ, anke jekk tagħmel titjib żgħir ħafna.
Kull plejer irid jifhem ukoll li t-tennis huwa sport fejn se titlef ħafna qabel ma tara xi riżultati. F’kull tournament ikun hemm mill-inqas 64 plejer, u wieħed biss jirbaħ. Importanti li ma taqtax qalbek u tkompli tirsisti!