It-tennisti Russi u Belarussi mhux se jitħallew jieħdu sehem f’Wimbledon
Sar magħruf li t-tennisti Russi u Belarussi mhux se jitħallew jieħdu sehem f’Wimbledon. Din id-deċiżjoni ġabet magħha reazzjoni rabjuża ….
It-tennista Russu, Andrey Rublev, li huwa rrankjat fit-tmien post fid-dinja, qal li l-projbizzjoni ta’ Wimbledon fuq players Russi u Belarussi hija “diskriminazzjoni sħiħa” u “illoġika”.
Rublev huwa wieħed mit-tliet l-aqwa 10 players – flimkien ma’ sħabu Russu Daniil Medvedev u Aryna Sabalenka tal-Belarus – li ma jistgħux jilagħbu f’SW19 dan is-sajf.
L-organizzaturi ta’ Wimbledon ħadu d-deċiżjoni li jipprojbixxu players Russi u Belarussi minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna.
“Ir-raġunijiet li tawna ma kellhomx sens, ma kinux loġiċi,” qal Rublev.
“Dak li qed jiġri issa hija diskriminazzjoni sħiħa kontra tagħna.”
Il-Federazzjoni tat-Tennis tal-Belarus qalet li qed tfittex parir legali dwar id-deċiżjoni meħuda mill-All England Lawn Tennis Club (AELTC) u l-Lawn Tennis Association (LTA).
“Azzjonijiet distruttivi bħal dawn bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, iżda biss jinċitaw il-mibegħda u l-intolleranza fuq bażi nazzjonali,” qalet fi stqarrija.