Hekk kif issa għadda xahar minn meta seħħ it-terremot fit-Turkija, eluf kbar ta’ persuni qegħdin jipprovaw jemmnu li ħajjithom inbidlet ta’ taħt fuq. Fosthom tfal żgħar li wara ġimgħat qegħdin ikunu konxji li tilfu kollox… fosthom lil missierhom, lil ommhom u anke lil ħuthom.
Intant, hekk kif bdew isiru “l-kontijiet” dwar kemm hija l-ispiża li sofra l-pajjiż, il-Bank Dinji qiegħed jgħid li hu stamt li hemm aktar minn $34 biljun fi ħsarat. Iżda opinjonisti oħrajn qegħdin jgħidu li l-ispiża tista’ tkun ferm aktar minn hekk u mhux se tkun faċli li l-pajjiż jirkupra.
Arda Tunca, ekonomika fit-Turkija qalet li “ma nista’ niftakar qatt diżastru ekonomiku bħal dan. Lanqas fl-istorja tal-pajjiż ma hemm l-ebda diżastru ekonomiku bħal dan.”
Bħalissa fil-pajjiż hemm kritika qawwija għall-President Recep Tayyip Erdogan minħabba akkużi li l-Gvern tiegħu mhux qiegħed jagħmel biżżejjed biex itejjeb is-sitwazzjoni taż-żoni milquta.
Minħabba din is-sitwazzjoni hemm possibilita li Erdogan ma jerġax jingħata fiduċja mill-poplu tiegħu stess. L-aktar minħabba li l-ekonomija Torka kienet ilha sejra lura, iżda issa bit-terremot is-sitwazzjoni marret ħafna għall-agħar.