Thursday, January 15, 2026

IT-TERRUR FUQ IL-POPLU IRANJAN … IFISSER BISS REĠIM LI QED JIDDGĦAJJEF

Aqra wkoll

Ilna issa minn l-aħħar tas-sena li għaddiet naraw u  nsegwu l-protesti fl-Iran. Protesti li kien hemm min ħaseb li se jieqfu wara ftit jiem. Minkejja dan, il-protesti mhux talli ma waqfux talli saru vjolenti. Rajna tkissir, tneħħija ta’ bandar u konfront mal-forzi tar-Reġim Iranjan.  Il-poplu jidher determinat. Il-protesti mhux qegħdin isiru fl-Iran biss imma anke f’pajjiżi oħra minn Iranjani li jgħixu hemm. It-tensjoni eskalat b’mod li issa qegħdin naraw lir-Reġim Iranjan jispara fuq in-nies tiegħu stess. Mossa li qiegħed jagħmilha biex jipprova jbeżża. Biex jintimida. Biex jaqta’ qalb il-protestanti. Sa issa aktar minn 2,400 persuna li kienu qegħdin jipprotestaw tilfu ħajjithom.

Dawn huma protesti li l-poplu Iranjan bdihom minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja fil-pajjiż u l-għoli tal-ħajja. Il-protesti bdew fil-kapitali Tehran fost grupp ta’ bejjiegħa rrabjati wara li l-munita tal-pajjiż, kienet reġgħet tilfet fil-valur meta mqabbla mad-Dollaru Amerikan. Magħhom ingħaqdu studenti universitarji u l-protesti malajr nfirxu fi bliet oħra. Dawk li qegħdin jipprotestaw qegħdin isejħu għal bidla fit-tmexxija.

It-terrur maħluq mir-Reġim Iranjan m’għandux limiti. Mhux biss beda jikkonfronta lil dawk li qegħdin jippprotestaw u b’tiftix sħiħ għal min qed joħloq dan, imma anke ħareġ it-twissija li se jingħataw il-piena kapitali dawk li ħadu sehem fil-protesti kontra l-Gvern. Wieħed minn dawk li qiegħed jissemma’ li se jingħata l-piena kapitali b’mod immedjat, għax sal-bieraħ filgħodu din kienet għadha ma ingħatatx, kien Erfan Soltani, ta’ 26 sena. 

Nemmnu li r-ripressjoni li qiegħed jagħmel ir-Reġim Iranjan, ibda mill-arresti, konfrontazzjoni li wasslet biex inqatlu persuni jipprotestaw, theddid bil-mewt lil min jipprotesta u t-tneħħija tal-internet fost oħrajn turi biss ħaġa waħda – dik lir-reġim Iranjan qiegħed iwitti it-triq għal waqgħa tiegħu stess. Jaf li jinsab dahru mal-ħajt. Qiegħed jara d-determinazzjoni tan-nies u risposta li għandu hi li jipprova jkisser lil niesu stess. Li joqtolhom fit-toroq. 

Nemmnu li aktar m’għadda żmien, ir-Reġim Iranjan dejjem sar aktar ostili lejn in-nies tiegħu. Tlett snin ilu kienu saru ukoll protesti kbar. Din id-darba is-sitwazzjoni hi tali li għal kull miżura li qiegħed jieħu r-Reġim, din qiegħda aktar tħarrax in-nies. Id-deċiżjoni arbitrali li jingħalaq l-aċċess tal-internet, intiża biex taqta’ lill-Iranjani mill-kumplament tad-dinja, aktar irrabjat lin-nies.  Nemmnu li dak li qegħdin naraw hu reġim Iranjan nieżel u jiddgħajjef bil-mod il-mod.

Sentejn ilu il-protesti  saru wara l-mewt ta’ mara żagħżugħa, Mahsa Amini, f’idejn il-Pulizija tal-Moralità tal-Iran. Dan kien sar minħabba velu milbus ħażin. Din id-darba il-protesti għandhom raġuni differenti. Hemm kriżi ekonomika li qed tiggrava. Kriżi ekonomika li issa eskalat sew.

Nemmnu li kull irvell u kull repressjoni li saret mir-Reġim Iranjan u oħrajn li jistgħu jitħabbru fil-jiem li ġejjin, li jagħmlu hu li jimminaw il-leġittimità tar-reġim. Dan għax dan qiegħed ikun indifferenti għall-aħħar lejn it-tbatija tan-nies. Mhux jitratta dak li qiegħed jifnihom. Mhux biss imma jkun ostili u jipprova jsikkithom, li tfisser li jridu jibqgħu jbatu fis-silenzju.  Li jaċċettaw is-sitwazzjoni preżenti, liema sitwazzjoni qegħdin jgħixu fiha tort tmexxija ħażina ta’ l-istess Reġim. Dan għax ir-reġim hu maqtugħ mill-poplu tiegħu. Marbut mal-privileġġi li għandu.

Hu minnu li x-xrar ta’ dawn il-protesti għandhom l-għeruq tagħhom fi problemi ekonomiċi marbuta ma’ inflazzjoni. Imma hu żbaljat min jaħseb li l-poplu qiegħed jipprotesta biss fuq dan.

Nemmnu li l-poplu Iranjan llum xeba’ minn din it-tmexxija, li ċaħditlu il-libertajiet.  Nemmnu li l-protesti huma mhux biss ċaħda tar-reġim, iżda wkoll tal-prijoritajiet strateġiċi tiegħu. Ma ninsewx li l-Iran kien suġġett għal sanzjonijiet internazzjonali qawwijin minħabba il-programm nuklejari. 

Hemm dik magħrufa bħala ‘Axis of Resistance’.  Din hi appoġġjata mill-Iran u tinkludi fiha lill-Hiżbollah, ir-Reżistenza Iżlamika fl-Iraq u l-Houthis fil-Jemen. Din l-intenzjoni tagħha hi tiġġieled l-influwenza tal-Istati Uniti u Iżrael fil-Lvant Nofsani. 

Illum il-poplu Iranjan hu konxju li l-appoġġ lil din l-allejanza, lill-pajjiż swietlu ħafna finanzjarjament. Il-poplu qiegħed iħoss waqt li pajjiżu jitfa’ l-flus f’appoġġ għal din l-allejanza, il-poplu Iranjan qiegħed iħallas prezz ekonomiku, li jvarja minn sanzjonijiet sa inflazzjoni qawwija.

U llum, bil-mezzi ta’ kommunikazzjoni u bil-messaġġi minn Iranjani barra l-pajjiż, il-poplu Iranjan faċilment iqabbel it-tmexxija ta’ pajjiżu ma’ dik tal-Punent. Faċilment jara kif jinsab imċaħħad mil-libertajiet. Pajjiż li hu mmexxi minn raġel li litteralment jippersonifika r-Reġim – il-Mexxej Suprem, Ali Khamenei. Dan ilu fil-poter aktar minn 36 sena appoġġjat mill-Gwardji. Maqtugħ mir-realtà. Flok wieġeb għal dak li qed jifni in-nies, ipponta subgħajh lejhom. Qal li huma merċenarji u imbagħad ipponta subgħajh lejn l-Istati Uniti.

Id-domanda li ssir hi x’se jkun il-futur fl-Iran? Ir-reġim se jaqa’?  Kemm jista’ jtawwal? Se jirnexxielu jxejjen ir-rabja?

Minn naħa l-oħra, il-movimenti ta’ protesta għandhom id-djgħufija tagħhom. Rajna fil-passat il-movimenti jitkissru u jiddgħajjfu sakemm jieqfu l-protesti. Djgħujfija li ħafna drabi tkun karatterizzata minn nuqqasijiet fl-organizazzjoni u mexxejja ta’ stoffa li kapaċi jagħtu imbuttatura lir-reżistenza biex il-pajjiż jgħaddi għal tmexxija ġdida.

Li nistgħu ngħidu fi żgur hu li minn dak li qegħdin naraw u mill-mod kif aġixxa ir-Reġim, jidher ċar aktar minn qatt qabel li dan mhux f’pożizzjoni li jisma’ lin-nies. Hu Reġim li għadu jemmen li jista’ jbeżża’ u jhedded. Għadu emmen li jekk jitterrorizza lin-nies, jista’ jibqa’ fil-poter. Din prattikament tista’ titqies il-kundanna ta’ l-istess Reġim. Ħadmet fil-passat u rnexxielu jibqa’ fil-poter. Lil hinn minn dan imma, nemmnu li din l-attitudni xi ħin jew ieħor se tkun il-waqgħa tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport