Saturday, November 23, 2024

It-tfal aggrediti f’park fi Franza jinsabu f’kundizzjoni stabbli 

Aqra wkoll

Erbat itfal li qalgħu daqqiet ta’ sikkina f’park f’Annecy, fix-Xlokk ta’ Franza, jinsabu f’kundizzjoni stabbli. It-tfal, li għandhom bejn sena u tliet snin, qed jingħataw il-kura fl-isptar.

Ġie rrappurtat li l-Pulizija arrestaw lill-allegat aggressur wara li kien daħal f’dan il-park biex iwettaq l-attakk. Fost il-midruba kien hemm tifel Ingliż u ieħor Olandiż. Żewġ adulti wkoll sofrew xi ġrieħi, b’wieħed minnhom jinsab f’qagħda kritika. 

Il-Pulizija kkonfermat li s-suspettat huwa Sirjan ta’ 31 sena, li kellu status ta’ refuġjat fl-Iżvezja.

Fuq il-post tal-attakk marru l-Prim Ministru Franċiż Élisabeth Borne u l-Ministru tal-Intern Gérald Darmanin.

Is-Sinjura Borne qalet f’konferenza tal-aħbarijiet li l-allegat aggressur m’għandu “l-ebda rekord kriminali jew psikjatriku”.

Il-prosekutur ta’ Annecy Line Bonnet-Mathis qalet lill-ġurnalisti li l-vittmi żgħażagħ kienu jvarjaw minn 22 xahar sa tliet snin. “Ma jidhirx li hemm xi tip ta’ motivazzjoni terroristika”, hija qalet.

F’dawn l-aħħar snin, fi Franza seħħew diversi attakki bis-skieken, ħafna drabi mwettqa minn irġiel żgħażagħ waħedhom bi sfond fil-kriminalità żgħira u b’xi konnessjoni Iżlamista. Jidher iżda li dan l-attakk huwa ta’ natura differenti.

S’issa, il-parti l-kbira tal-politiċi qed joqogħdu lura milli jaslu għal xi konklużjoni, iżda huwa inevitabbli li dan l-attakk se jiddaħħal fid-dibattitu dwar l-immigrazzjoni.

Sport