Wednesday, April 24, 2024

It-tfal fit-Turkija għadhom jibżgħu jidħlu jorqdu minkejja li mxew lejn partijiet oħra tal-pajjiż

L-impatt devastanti tat-terremoti fuq it-tfal

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għalkemm diġà għadda xahar minn mindu żewġ terremoti devastanti laqtu n-naħa t’isfel tat-Turkija u ħallew madwar 50,000 persuna mejta u eluf oħra midruba, is-sitwazzjoni għadha prekarja u f’ċertu żoni anke mwegħra. Is-sitwazzjoni xi ftit jew wisq tjiebet – iżda xorta waħda baqa’ madwar 1.5 miljun persuna li kienu sfurzati jitilqu minn djarhom u jfittxu kenn f’parti oħra tal-pajjiż, u oħrajn li għadhom bla saqaf fuq rashom. In-natura donnha għadha mhix lesta li tagħtihom tregwa għalissa, mhux biss għax għadhom iseħħu mijiet ta’ theżżiżiet kuljum u saħansitra terremoti iżgħar, li jkomplu jżidu l-ansjetà u l-biżà fin-nies, iżda ukoll peress li reċentement eluf ta’ tined li kienu joffru kenn lil ħafna nies bla saqaf sfaw miknusa minn riħ qawwi li ħakem dawk l-inħawi.

Dwar dan u aktar tkellimna mal-ambaxxatriċi Maltija fit-Turkija Theresa Cutajar li mhux biss kellmitna dwar l-andament fil-pajjiż, iżda anke dwar is-sitwazzjoni devastanti fil-ħajja ta’ tant persuni li ħajjithom kellha tinbidel mil-lejl għan-nhar.

L-ambaxxatriċi Cutajar kompliet tgħid ma’ Talk.mt li hemm ħtieġa kbira li l-kundizzjonijiet tal-għajxien f’dawn il-provinċji milquta jerġgħu lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr. Spjegat li l-enfasi bħalissa tinsab fuq it-tiswija tal-infrasruttura speċjalment tad-dawl, l-ilma, il-gass u l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. Fejn tidħol l-edukazzjoni, it-tfal fil-provinċji milquta, bħat-tfal l-oħra fil-bqija tad-dinja diġà tilfu ħafna minħabba l-pandemija tal-Covid 19. Iżda mhux biss, issa dawn it-tfal qed ikomplu jitilfu mill-edukazzjoni tagħhom minħabba t-terremoti u għalhekk hemm riskju li ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal tintilef minħabba ż-żmien meħtieġ biex l-istituzzjonijiet fil-pajjiż jerġgħu jibdew jirkupraw.

It-tfal għadhom l-aktar trawmatizzati xahar wara t-terremoti 

Psikoloġikament, is-sitwazzjoni għadha tqila fuq kulħadd, iżda fuq it-tfal xi ħaġa speċjali. Cutajar kompliet tgħid ma’ dan is-sit li fil-jiem li għaddew ġew f’kuntatt ma’ nies li telqu minn dawn il-provinċji milquta mit-terremoti u marru lejn Ankara. F’dawn in-nies tinnota li familji sħaħ għadhom trawmatizzati, speċjalment it-tfal li għalkemm jinsabu ’l bogħod minn din iż-żona għadhom jibżgħu jidħlu fis-sodda filgħaxija. Mhux hekk biss, anke dawk il-persuni li marru hemm b’mod voluntarju biex jagħtu l-għajnuna tagħhom qishom għadhom taħt xokk. Tinnota wkoll sens ta’ dieqa ma’ kull min tiltaqa’ miegħu. 

Qaltilna wkoll illi l-fatt li xahar wara l-impatt u l-esperjenzi tat-terremoti għadhom jiddominaw kull laqgħa, kull diskussjoni madwar il-mejda, kif ukoll kull attività soċjali, jindika li l-effett u l-impatt tat-terremoti għadu fuq moħħ kulħadd. Pereżempju l-ġimgħa li għaddiet f’Ankara, Jum il-Mara ġie mfakkar permezz ta’ dibattitu dwar is-suġġett “Women in Adversity” fejn ġew analizzati d-diffikultajiet addizzjonali li n-nisa qed jaffaċċjaw fiż-żoni milquta mit-terremoti. Barra minn hekk f’laqgħa li saret mal-AFAD (Disaster and Emergency Management Authority) u ma’ uffiċjali għolja tal-pajjiż it-taħdidiet kienu kollha ffukati fuq it-terremoti u l-effetti diżastrużi tagħhom.

Laqgħa tal-AFAF bejn grupp ta’ Ambaxxaturi

Komplew fil-pajjiż ukoll sensiela ta’ theżżiż u terremoti iżgħar ikkawżati mir-riaġġustament tal-plateau li normalment iseħħ wara terremoti ta’ dik il-qawwa, liema theżżiżiet qegħdin iwasslu għal inqas stabbiltà fost dawk li riċentament kellhom id-djar tagħhom kundannati minn testijiet li saru għas-sigurtà. Dwar dan Cutajar qalitilna li dawn ikomplu joħolqu ċertu biża’ u tħassib anke jekk kulma jmur dawn għandhom jixxejnu . “Nisperaw li dan iseħħ mill-aktar fis possibbli sabiex it-Turkija tkun tista’ terġa’ taqbad it-triq tan-normalità”, tenniet Cutajar.

Aktar minn $100 biljun fi ħsarat fit-Turkija u $5.1 biljun fis-Sirja … l-irkupru mistenni jaqbeż dawn iċ-ċifri

Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDP) qiegħed jistma li l-ħsarat fit-Turkija jammontaw għal aktar minn $100 biljun u $5.1 biljun fis-Sirja, liema ċifri mistennija  jinqabżu mill-ispejjeż bżonjużi għall-irkupru.  Dan ħareġ hekk kif il-UNDP flimkien mal-Unjoni Ewropea u l-Bank Dinji qegħdin iħejju rapport ta’ assessjar tal-bżonnijiet ta’ wara d-diżastru għaż-żewġ pajjiżi. Dan ir-rapport għandu jkun lest qabel l-International Donor’s Conference li se ssir fi Brussell fil-jiem li ġejjin. Dan l-istudju għandu jagħti stampa ċara tal-ħtiġijiet ta’ rkupru għat-Turkija u s-Sirja għaż-żoni milquta.

Sadanittant, aktar għajnuna mill-erbat irjieħ tad-dinja għadha qed tasal fit-Turkija. Minkejja dan, it-Turkija xorta waħda fadlilha bżonn immedjat ta’ akkomodazzjoni temporanja bħalma huma kontejners u tined, kif ukoll  mediċini, u prostetiċi minħabba li ħafna tilfu riġlejhom. Ħtieġa importanti oħra hija li ż-żoni tal-manifattura jerġgħu jibdew jiffunzjonaw u l-produzzjoni terġa taqbad ir-rittmu sabiex b’hekk jipprovdu l-impjiegi u jħajru lin-nies u l-ħaddiema jerġgħu jirritonnaw lura f’dawn il-provinċji. 

Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kompliet tissaħħaħ

Mistoqsija rigwar ir-relazzjoni bejn Malta u t-Turkija, Cutajar qalitilna li din minn dejjem kienet waħda b’saħħitha, mhux biss għax hija msejsa fuq sisien sodi, iżda anke għax mill-istess relazzjoni jgawdu ż-żewġ pajjiż.

Il-fatt li Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li wasslet il-kondoljanzi tagħha lill-Awtoritajiet Torok, bagħtet tim imdaqqas ta’ uffiċjali li għenu fit-tfitxxija qalb il-bini mġarraf f’temp ta’ ftit sigħat u għajnuna materjali, kif ukoll għajnuna finanzjarja li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti ta lit-Turkish Red Cresent komplew isaħħu r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. 

Tim ta’ uffiċjali Maltin ta l-ewwel assistenza ftit sigħat wara t-traġedja

It-Turkija esprimiet l-apprezzament tagħha għal din is-solidarjetà mhux biss permezz ta’ ittra ta’ ringrazzjament li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork bagħat lill-Ministru Ian Borg, iżda wkoll permezz ta’ diversi ringrazzjamenti oħra li Malta rċeviet minn awtoritajiet u entitajiet Torok differenti, fosthom telefonata ta’ ringrazzjament li l-President tat-Turkija għamel personalment lill-President ta’ Malta ftit tal-ġranet ilu.  

Il-ġenerożità tal-Maltin kompliet tispikka hekk kif din il-ġimgħa stess SOS Malta waslu t-Turkija sabiex iwaqqfu a Malta Tent City fil-provinċja milquta ta’ Hatay. Din l-għajnuna altruwista se tkompli tippromwovi l-ħbiberija bejn iż-żewġ popli anke permezz tal-bandiera Maltija tperper f’din iż-żona.  

Sport