L-eżami tal-Benchmark mistenni jsir għall-aħħar darba f’din is-sena skolastika 2020-2021
Minn Carmen Cachia
L-eżami tal-Benchmark li jsir fis-sitt sena tal-Primarja mistenni li jsir għall-aħħar darba minn kif nafuh bħalissa, fi tmiem din is-sena skolastika 2020-2021. Wara li fis-snin li għaddew tneħħew anke l-eżamijiet ta’ nofs is-sena, hemm tħassib kemm minn għalliema, kif ukoll minn ġenituri, li sseħħ din il-possibbiltà wkoll. Inewsmalta tkellem ma’ żewġ għalliema li kkonfermawlna li huma wkoll semgħu li l-Benchmark se jitneħħa u bħala professjonisti fis-settur edukattiv, jemmnu li b’dan il-pass it-tfal ftit li xejn se jibqgħu jistudjaw.
Il-Benchmark, li kien parti mill-proċess ta’ tibdil u titjieb fis-sistema edukattiva permezz tal-istrateġija nazzjonali, kien sar wara li tneħħa l-eżami tal-Junior Lyceum. Il-ħsieb warajh kien li minflok eżami “kbir” li jikklassifika bejn studenti tajbin u studenti oħra, il-Benchmark ikun parti minn eżerċizzju ta’ assessjar li diġà jsir matul is-sena kollha biex l-għalliema tas-snin ta’ wara jkomplu jaħdmu għall-iżvilupp tal-istudenti fuqu.
“Il-Benchmark ħa post il-Junior Lyceum”
Ġara li maż-żmien, fil-vera sens tal-kelma, il-Benchmark ħa post il-Junior Lyceum fejn bdiet issir ħafna pressjoni fuq l-istudenti biex imorru tajjeb f’dan l-eżami ħalli jitilgħu fi klassi tajba ladarba jibdew l-iskola Medja.
Barra minnhekk, beda l-bejgħ ta’ kotba ta’ eżerċizzji apposta għall-Benchmark u bdew isiru anke lezzjonijiet tal-privat għal dawk l-istudenti li xtaqu aktar għajnuna f’dan l-eżami. Minn snin qabel, it-tfal bdew ikunu mwissija biex ipoġġu moħħhom hemm fl-iskola ħalli jgħaddu mill-eżami tal-Benchmark u allura prattikament il-bidla fis-sistema kienet biss dik tal-isem. Dan ma kienx il-ħsieb oriġinali wara l-Benchmark.
Minkejja l-mod ta’ kif qiegħed isir bħalissa l-Benchmark, jidher li ġenituri u anke għalliema jippreferu din is-sistema minħabba li eżami jħeġġeġ lit-tfal jistudjaw aktar.
Għalliema qaltilna li, “jekk l-eżami tal-Benchmark tassew jitneħħa, is-sistema edukattiva se tkompli tmur lura”. Dan minħabba li fl-opinjoni tagħha, it-tfal ftit li xejn se jibqgħu jistudjaw. Hija wkoll semgħet li l-Benchmark se jsir għall-aħħar darba.
Dwar żieda f’xogħol ta’ assesjar fil-klassijiet hija qalet li l-għalliema diġà jħossu li huma mgħobbija b’ħafna xogħol, aħseb u ara ladarba u jekk, il-Benchmark isir ukoll f’forma ta’ assessjar ieħor mal-ħafna li diġà jridu jagħmlu.
Għalliema fin-Nofsinhar ta’ Malta aċċertatna li jekk l-eżami tal-Benchmark ma jsirx aktar, żgur li se jkun hemm ammont sostanzjali ta’ studenti li se jistudjaw inqas u li għaliha dan l-eżami ħa post il-Junior Lyceum.
“Tal-Junior Lyceum ma baqax isir u sar isir il-Benchmark. Fl-opinjoni tiegħi, kulma nbidel kien l-isem. Qabel kienu jsiru ħames suġġetti, issa qegħdin isiru erbgħa. Naqqsu s-suġġetti tar-Reliġjon u l-Istudji Soċjali u ġie x-Xjenza. Issa smajna li x-Xjenza se jitlaq u li l-oħrajn se jitilqu wkoll,” spjegat din l-għalliema.
Hija qalet li jingħataw privatijiet għall-Benchmark u li din is-sena nbidlu ftit għax hemm għalliema li jagħtu dawn il-lezzjonijiet online minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
“Naħseb f’dan il-kamp ukoll m’hemm ebda differenza għax l-ammont ta’ għalliema li kienu jagħtu privat għall-Junior Lyceum baqa’ l-istess fil-każ tal-Benchmark ukoll,” kompliet din l-għalliema.
Mistoqsija rigward l-istress li kienu qiegħed ikollhom it-tfal minħabba l-Benchmark, hija qalet li jekk hemm dan it-tip ta’ stress, dan ġej min-naħa tal-ġenituri għax, “il-ġenituri jkunu jridu jikkontrollaw it-tip ta’ studju ta’ wliedhom”.
Tajjeb li wieħed jgħid, li t-tneħħija tal-eżami tal-Junior Lyceum u l-introduzzjoni tal-Benchmark bħala assessjar, kienet diskussa fuq livell nazzjonali u kien ġie maqbul li m’għandux isir eżami fl-aħħar tas-sena.