It-18 ta’ Novembru huwa l-jum assoċjat mal-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ abbuż u sfruttament sesswali. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jgħixu ħajja ħielsa minn dan l-abbuż, li jista’ jkollu effetti dejjiema fuqhom. Fl-2015, il-Kunsill tal-Ewropa iddikjara dan il-jum bħala l-Jum Ewropew dwar il-Protezzjoni tat-Tfal mill-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali.
Mill-2022, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda iddikkjarat it-18 ta’ Novembru bħala l-Jum Dinji għall-Prevenzjoni u l-Fejqan mill-Isfruttament, l-Abbuż u l-Vjolenza Sesswali fuq it-Tfal. Dan il-jum ifakkar dawk kollha li jaħdmu fl-aħjar interessi tat-tfal biex iġeddu l-impenn tagħhom għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza sesswali fuq it-tfal.
Dan jista’ jsir permezz tal-proviżjoni ta’ edukazzjoni u qawmien tal-għarfien ta’ kwalità. It-tfal għandhom, minn età bikrija, jiġu mgħallma dwar it-tip ta’ mġiba li tista’ twassal għall-abbuż. Il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal isseħħu fiċ-ċirku ta’ fiduċja tat-tfal.
Meta l-abbuż jitwettaq minn persuna li t-tfal ikunu jafuha, jafdawha u saħansitra jħobbuha, huwa diffiċli ferm għat-tfal li jaqsmu dan l-abbuż ma’ ħaddieħor. Huwa importanti li min iwettaq dan l-abbuż jinżamm responsabbli kif ukoll li jiġu pprovduti l-ħarsien u s-sapport meħtieġa biex it-tfal ma jbatux minn stigma, jiġi ffaċilitat il-fejqan tagħhom, tiġi affermata d-dinjità tagħhom u jiġu protetti ddrittijiet tagħhom.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jisħaq fuq l-importanza li l-adulti li jissapportjaw it-tfal jirrapportaw dan l-abbuż. Kull min jaf b’xi abbuż li qed isir fuq it-tfal għandu jirrapporta. Dan jista’ jsir billi wieħed iċempel is-supportline 179. Abbuż sesswali li jsir online jista’ jiġi rrappurtat permezz tal-hotline www.childwebalert.gov.mt