Tuesday, November 18, 2025

IT-TFAL HUMA L-BAŻI TAL-FUTUR TAGĦNA 

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin, se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tat-Tfal, wieħed mill-jiem internazzjonali stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu rikonoxxuti l-kisbiet li saru fejn jidħlu t-tfal.

Mill-mument li titla’ x-xemx, it-tfal iqumu f’dinja ffurmata minn għażliet li ma għamlux huma. Madanakollu kull tifel u tifla, kullimkien, għandhom ukoll id-drittijiet. Inkluż id-dritt li jkunu protetti, li jitgħallmu, u li leħinhom jinstema’.

Wasal iż-żmien li nkomplu nisimgħu x’għandhom xi jgħidu t-tfal. Li nifhmu kif inhi ħajjithom u kif id-drittijiet tagħhom huma preżenti, neqsin, jew imfittxija kuljum.

Minkejja li niċċelebraw dan il-jum għad fadal ħafna xi jsir, mhux biss f’pajjiżna imma anke ‘l barra minn xtutna. Fuq kollox, aħna jinteressana minn dak li qed iseħħ f’pajjiżna biex tassew id-drittijiet tal-minorenni jkunu garantiti. 

Quddiem dan kollu nistgħu ngħidu li l-Gvern kien responsabbli fejn jidħlu t-tfal u s-soċjetà. Dan narawh fattwalment hekk kif fl-aħħar snin introduċa diversi miżuri biex jiġi żgurat li, minn stadju bikri fil-ħajja tagħhom, it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom. 

Naqblu ma’ dak li qalet il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo f’intervista ma’ dan il-ġurnal, li huwa importanti ħafna li niċċelebraw it-tfal bħala parti integrali mill-ħajja tagħna. Għandna nagħtuhom dak li jistħoqqilhom: imħabba, attenzjoni u edukazzjoni. Dan għaliex it-tfal – huma l-bażi tal-futur tagħna. Nemmnu li kull tifel u tifla għandhom potenzjal kbir, basta jingħataw l-ispazju u l-appoġġ li jixirqilhom.

Dan kollu qed ngħiduh għaliex it-tfal tal-lum huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada. Għalhekk huwa essenzjali li jibqa’ jsir sforz sabiex inkunu hemm għalihom, biex meta jasal dak il-jum li jikbru u jsiru adulti, ikunu jistgħu jgħidu li kellhom min jismagħhom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport