Il-Malta Road Safety Council flimkien mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ppreżentaw premjijiet u ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil numru ta’ skejjel u studenti li ħadu sehem f’kompetizzjoni ta’ kitbiet u disinn marbuta mas-sigurtà fit-toroq.
L-inizjattiva kienet tinkludi żewġ kompetizzjonijiet prinċipali, waħda għat-tfal tal-iskejjel primarja li kitbu komponiment qasir dwar is-sigurtà fit-toroq u oħra għat-tfal tal-iskejjel sekondarji li ddisinjaw l-idea tagħhom għal-logo tar-Road Safety Council. Dawn il-kompetizzjonijiet huma parti mix-xogħol li qed jitwettaq fost it-tfal biex jitqajjem aktar għarfien dwar is-sigurtà fit-toroq.
Għal din il-kompetizzjoni ħadu sehem 24 skola, 8 tal-primarja u 16 fil-livell sekondarju u medju. Kull skola li pparteċipat ingħatat ċertifikat tal-parteċipazzjoni u premju ta’ €200 vawċer li jissarrfu f’kotba. Kull student u studenta li pparteċipaw intbagħtilhom ċertifikat diġitali bħala turija ta’ apprezzament għall-parteċipazzjoni bl-aqwa xogħlijiet jingħataw premjijiet edukattivi.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett indirizza lill-ġenituri u l-istudenti preżenti u rringrazzjahom tal-parteċipazzjoni tagħhom, eżempju ċar tal-importanza li jagħtu lil dan is-suġġett tant importanti. Huwa qal li, “Bil-mod uniku u speċjali tagħhom, ħafna drabi jkunu t-tfal tagħna stess li jwasslulna u jgħallmuna l-aktar messaġġi u lezzjonijiet importanti.”
“Din is-serata u l-premjijiet li qegħdin nagħtu għandhom iħeġġu biex titrawwem kultura ta’ rispett fit-toroq tagħna sa minn età żgħira. Inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti minn pjan usa’ biex inkomplu nqajmu għarfien dwar l-importanza li t-toroq tagħna jkunu siguri għal kull min jużahom, kemm bil-mixi, bir-rota jew bil-vetturi”, temm jgħid il-Ministru Bonett.
Dr Therese Bajada, Chairperson tal-Malta Road Safety Council, spjegat li l-idea tar-Road Safety Awards for Schools bdiet madwar sena ilu meta l-kunsill ħa deċiżjoni biex jinkludi aktar lit-tfal fil-kampanji edukattivi dwar is-sigurtà fit-toroq. “It-tfal huma l-futur tagħna u s-sottomissjonijiet li rċevejna wrewna li t-tfal jafu xi jridu fil-qasam tal-mobbiltà li jinkludu l-mixi u ċ-ċikliżmu”, temmet tgħid Dr Bajada.
Il-Malta Road Safety Awards for Schools ittellgħu mill-Malta Road Safety Council bl-għajnuna tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Transport Malta u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal.

