Thursday, December 19, 2024

“It-tfal iridu ambjent ta’ mħabba, hi kif inhi u ġejja minn fejn hi ġejja”

Il-koppja Dorian Cassar u Paul Camilleri jitkellmu dwar id-drittijiet u l-adozzjonijiet marbuta ma’ koppji LGBTIQ.

Mandy Cilia
Mandy Cilia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dorian Cassar u Paul Camilleri ser jiżżewġu nhar is-16 ta’ Lulju 2022. Il-koppja ilhom flimkien għal dawn l-aħħar tmien snin. Huma qalulna li kienu ilhom jippjanaw biex jagħmlu tieġ kbir kif jixtiequ huma iżda minħabba l-pandemija l-pjanijiet tal-koppja tħarbtu xi ftit mhux ħażin. Dan ikkaġunalhom ħafna stress iżda minkejja li kellhom ibiddlu d-data tliet darbiet huma qalu li sabu appoġġ kbir mis-suppliers li kienu qed jaħdmu magħhom. 

Matul l-intervista tkellmu wkoll dwar x’jaħsbu mid-drittijiet li għandhom bħala koppja LGBTIQ. Il-koppja qaltilna li sar ħafna xogħol u li f’dawn l-aħħar snin għamilna passi kbar ‘il quddiem fejn jidħol dan il-qasam. Iżda bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja dejjem ikun hemm aktar x’tagħmel.

Paul qalilna li: “Fil-liġi fuq il-karta mxejna ħafna ’l quddiem iżda sfortunatament għadek issib nies li jużaw kliem diżpreġġjattiv” Huwa kompla jgħid li dan it-tip ta’ kliem jista’ jagħmel ħafna ħsara speċjalment lil dawk adolexxenti li jkunu għaddejjin minn dik il-fażi li ma jkunux ċerti mis-sesswalità tagħhom.”

Dorian kompla jżid ma’ dak li qal Paul u enfasizza l-ħsara li tista’ tagħmel persuna b’sempliċiment kumment fuq il-midja soċjali “Dak il-messaġġ li qed tikteb m’għadux tiegħek u dik l-opinjoni tista’ taffettwa nies oħrajn.”

“Fil-liġi fuq il-karta mxejna ħafna ’l quddiem iżda sfortunatament għadek issib nies li jużaw kliem diżpreġġjattiv”

Paul Camilleri

Meta staqsejna dwar kif jaħsbuha fuq l-adozzjonijiet minn persuni tal-istess sess qalulna li dawn il-koppji li jkunu jixtiequ jadottaw għandhom isibu l-appoġġ kif inhu xieraq. Hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni kif in-nies iġibu rwieħhom meta koppja tal-istess sess tiddeċiedi li trid tadotta. Dorian kompla jgħidilna li: “it-tfal iridu ambjent ta’ mħabba, hi kif inhi u ġejja minn fejn hi ġejja”.

Il-koppja kompliet tispjegalna li meta n-nies jesprimu l-opinjoni tagħhom li l-fatt tal-adozzjoni jista’ jwassal li dawn it-tfal jiġu bullied minn tfal oħra, il-problema ma tkunx għax it-tfal għandhom ġenituri tal-istess sess. Il-problema tkun ġejja li dawn il-‘bullies’ m’għandhomx għarfien biżżejjed mill-familja tagħhom li hawn tfal li jista’ jkollhom ġenituri differenti minn tagħhom u eventwalment dan iwassal biex jaċċettaw lil kulħadd f’din is-soċjetà.

Ekonomija

Sport