Wednesday, July 30, 2025

It-tfal jitgħallmu dwar l-Unjoni Ewropea waqt Skolasajf

Aqra wkoll


Għat-tlettax-il sena konsekuttiva, fix-xhur tas-sajf, Europe Direct Valletta u Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) qegħdin jorganizzaw attivitajiet interattivi għat-tfal dwar l-Unjoni Ewropea permezz ta’ sessjonijiet apposta waqt Skolasajf. Dawn is-sessjonijiet qegħdin isiru b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi.


Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa, iltaqgħu ma’ grupp ta’ tfal li jattendu Skolasajf fiż-Żurrieq, fejn kienu qed jipparteċipaw f’attività interattiva dwar l-Unjoni Ewropea.

Matul iż-żjara, il-ministru ra kif it-tfal qed jitgħallmu dwar il-valuri u l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea b’mod kreattiv, fosthom permezz ta’ puzzles tematiċi dwar suġġetti bħall-ambjent, l-edukazzjoni, ir-rispett u l-inklużjoni. Fl-aħħar, dawn il-puzzles ingħaqdu fejn ħareġ messaġġ wieħed: ‘We are in this Together’.

Din hija waħda minn 25 sessjoni li SEM u Europe Direct Valletta qed jorganizzaw matul is-sajf għaċ-ċentri ta’ Skolasajf madwar Malta u Għawdex, bil-għan li t-tfal jitgħallmu aktar dwar l-Unjoni Ewropea b’mod sempliċi u pjaċevoli.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal, “Dawn l-attivitajiet qed jilħqu madwar 400 tifel u tifla u qed jgħinuhom jifhmu mill-qrib x’inhi l-Unjoni Ewropea u x’valuri tirrappreżenta. Huwa importanti li minn età żgħira nrawmu sens ta’ għaqda, rispett u parteċipazzjoni fi ħdan il-komunità Ewropea.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa qal li “Europe Direct Valletta u SEM ilhom għal diversi snin iwasslu l-Unjoni Ewropea lit-tfal permezz ta’ inizjattivi differenti, fosthom bil-pubblikazzjoni ta’ kotba, it-tqassim ta’ materjal dwar l-Unjoni Ewropea fl-iskejjel u fuq kollox permezz ta’ attivitajiet interattivi li qed nagħmlu għat-tfal ta’ Skolasajf. Nemmnu li dawn is-sessjonijiet iwessgħu l-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea, ikabbru fit-tfal is-sens ta’ identità Ewropea u jgħinuhom jagħrfu aħjar kif ikunu ċittadini attivi.”

Fl-attività kienu preżenti wkoll uffiċjali mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, li flimkien ma’ SEM u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, qed jagħtu sehemhom biex jagħmlu minn Skolasajf esperjenza edukattiva, ferrieħa u memorabbli għat-tfal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport