Sunday, November 24, 2024

It-tfal kollha ħaqqhom l-aqwa u l-aħjar mis-settur edukattiv

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur iċ-Ċentru ta’ Riżorsa San Miguel f’Pembroke

Aqra wkoll

Kull tifel u tifla ħaqqhom jirċievu l-aqwa u l-aħjar u għalhekk l-investiment fis-sistema edukattiva tagħna hu mifrux biex jilħaq il-potenzjal ta’ kulħadd. Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela meta żar wieħed miċ-Ċentri ta’ Riżorsa f’Malta, is-San Miguel Primary Education Resource Centre f’Pembroke.

Dr Abela qal li l-edukazzjoni ta’ kwalità tiġi mill-investiment u mill-ħidma b’dedikazzjoni kbira li juru l-edukaturi u li wara li ġie ffirmat l-aqwa ftehim għalihom, issa se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet u d-dħul tagħhom. Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-istudenti u ra l-ħidma sfieqa li jwettqu l-ħaddiema ta’ dan iċ-Ċentru ma’ dawn it-tfal. Huwa rringrazzjahom għall-ħidma li jwettqu ma’ dawn l-istudenti b’tant imħabba.

F’dan iċ-Ċentru, wieħed minn ħamsa madwar il-pajjiż, jattendu tfal b’diżabbiltà minn età ta’ tliet snin sa ħdax-il sena. Dawn l-istudenti jingħataw esperjenza edukattiva li hi bbażata fuq kurrikulu sensorjali, fejn kull student ikollu pjan ta’ tagħlim speċifiku għalih. Dan iċ-Ċentru fih ukoll hydrotherapy pool u multisensory room. Fis-sajf, f’dan iċ-Ċentru jingħata s-servizz ta’ Skola Sajf u bħalissa qed jattendu madwar 24 student.

Waqt iż-żjara ġie spjegat ukoll li hekk kif daħal fis-seħħ il-ftehim settorjali ġdid, iċ-Ċentri għar-Riżorsa ġew imsejħa bħala skejjel. Dan f’pass ieħor favur l-inklużjoni hekk kif m’għandiex issir distinzjoni bejn skejjel differenti anke jekk jipprovdu programmi edukattivi differenti. Fiż-żjara, kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Sport