Friday, May 30, 2025

It-tfal li mietu bil-għatx… lanqas difna xierqa 

….każ ieħor li seħħ fiż-żona ta’ salvaġġ Maltija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sentejn u erba’ snin. Daqshekk kellhom. Kienu qegħdin jivvjaġġaw . Wieħed mit-tfal kien qed jivvjaġġa ma’ ommu u missieru u l-ieħor ma ommu biss. Bla dubju fejn kienu sejirn jew x’kien qed jiġri ma jafux. Spiċċaw kienu fost l-aħħar vittmi fil-vjaġġi tal-immigranti fil-Mediterran. Dawn it-tfal ma mietux mgħarrqin kif mietu ħafna tfal oħra. Dawn it-tfal mietu bilgħatx. F’dirgħajn ommhom. 

F’dgħajsa bil-qiegħ tagħha miksi b’likwidu li kien taħlit ta’ fjuwil u ilma baħar. Telqu f’nofs il-ġimgħa mill-kosta Libjana u għamlu kważi tlett ijiem abbandunati bejn sema u ilma. Ma felħux aktar u ċedew. Mietu bil-għatx, l-istess kif mietet Louijin, dik it-tifla ta’ erba’ snin li l-aħħar kliem li qalet lil ommha kien għandi l-għatx. Kemm il-każ Louijin u kemm il-kaz ta’ dawn iż-żewġ itfal, kellhom fattur komuni. Kienu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Dawn mhux traġedji li qegħdin iseħħu b’kumbinazzjoni. 

Dawn huma traġedji li qegħdin iseħħu minħabba politika li qed tkun adottata. Il-politika ta’ fortizza Ewropea. Il-politika li toħloq deterrent biex tipprova tbeżża’. Jafu li mhix taħdem. Jafu li qed tħalli aktar imwiet. Imma jibqgħu iħaddmuha. Politika li minħabba fiha naraw dgħajjes li jibqgħu għal ħin twil fil-baħar. Kuntatti maċ-ċentru ta’ kordinament, iżda sodisfazzjon ta’ x’se jiġri jew jekk hux se jitwettaq salvataġġ, tibqa’ ma tiħux. 

U r-riżultat hu li l-baħar Mediterran kompla jżid l-oqbra tiegħu. Kompla jżid il-katavri. Xi wħud jinstabu fil-baħar. Oħrajn fuq xtajtiet. Oħrajn jibqgħu ma jinstabu qatt. Jibqa’ biss ir-ritratti għand qrabathom. Jibqgħu t-tfittxijiet għalihom. Jgħaddu s-snin u qrabathom jibqgħu ifittxu. Kien hemm anki min ġie f’pajjiżna ifittex lil qrabu.

Politika li minkejja li dwarha suppost nitkellmu b’mod qawwi u nikkundannaw, għal ġimgħa  oħra f’pajjiżna irrenja s-skiet. Rajna l-politiċi tagħna jinvolvu ruħhom f’ħafna affarijiet. Jieħdu kull okkażjoni biex jidhru fejn jidher xi ritratt jew xi okkażjoni ta’ filmat. Imma ħadd ma lissen kelma fuq dawn iż-żewġ itfal u persuna oħra li mietet magħhom. Ħadd ma lissen kelma fuq il-ġenituri tagħhom li għandhom trawma kbira minħabba dak li ġara.

Dan hu każ li qasam qalb persuni li jaħdmu qrib l-immigranti f’Lampedusa. Kienu bosta minnhom li marru ċ-ċimiterju jagħtu tislima lil dawn iż-żewġ itfal. Ċimiterju li fi kliemhom stess tolqtok l-atmosfera iebsa. Kamra ċkejna. Żewġ twiebet bojod wieħed akbar minn ieħor fuq struttura tal-ħadid.  

Ftit bogħod speċi ta’ gradenza b’ġugarell.  Sitwazzjoni li tħallik imnixxef u ssummat. Tiftakar f’dak li setgħu għaddew minnu dawn it-tfal f’dak il-vjaġġ. Il-karba għall-ilma. Il-mewt tagħhom f’riġlejn ommhom. Ommijiet li għal sigħat sħaħ ġarrew lil uliedhom bla ħajja f’idejhom, sakemm l-għada ġew salvati. 

Din kienet traġedja oħra li għaliha trid tintrefa’ responsabbilità minn min qed iħaddem il-politika ta’ fortizza Ewropea. Il-politika ta’ fortizza Ewropea tista’ tipprova tinjora. Tista’ tipprova tkun indifferenti. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma imwiet tort ta’ dik l-istess politika inumana. 

Fejn hi l-Knisja Maltija?

U quddiem traġedja bħal din, ta’ mewt ta’ żewġt itfal bil-għatx, il-mistoqsija li toħroġ hi sempliċi. Fejn hu l-leħen tal-knisja? Fejn hu l-leħen tal-membri tal-kleru?  Wieħed stenna li jsemmgħu leħinhom, huma u għaqdiet oħrajn. Ma smajna imma ebda dikjarazzjoni. Ebda omelija ma smajna li tiġbed l-attenzjoni għal dak li għaddej. Anki d-diskors tal-ogħla awtoritajiet tal-Knisja f’Malta, ebda riferenza għal din it-traġedja. Il-mistoqsija hi faċli – għaliex?

Istituzzjonijiet tal-Gvern siekta

Hemm ukoll istituzzjonijiet oħra tal-Gvern li suppost jaqbżu għal dawn il-persuni. Isemmgħu leħinhom dwar il-karbiet tagħhom. Suppost dak hu xogħlhom. Imma anki dawn immutaw. Fommhom ingħalaq. Skiet perfett. Bħal dak is-skiet, xi kultant miksur minn xi ħadd jolfoq, fil-kamra taċ-ċimiterju f’Lampedusa.

It-twiebet kienu ilhom ġimgħa fiċ-ċimiterju

U proprju sa ftit tal-jiem ilu t-twiebet kienu għadhom hemm fuq struttura tal-ħadid. Fi kliem min mar iżurhom, mat-twiebet hemm żigarella bla isem.  Lanqas difna xierqa ma konna kapaċi intuhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport