Monday, December 23, 2024

IT-TFAL U L-VJOLENZA DOMESTIKA

Aqra wkoll

Il-vjolenza domestika hija abbuż li ħafna drabi huwa assoċjat ma’ dak fiżiku fil-konfront tan-nisa. Dan minħabba li l-maġġoranza tal-vittmi huma effettivament nisa. Iżda, dan l-abbuż ma jieqafx hawn. Anzi, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħdin narawh jinfrex fuq vittmi oħra inklużi rġiel, anzjani u tfal. 

Sfortunatament mhux darba jew tnejn nisimgħu li hemm tfal hemm barra jsofru minn vjolenza domestiku u dan l-abbuż isir fuq spettru wisgħa li jinkludi dak fiżiku, verbali u anke emozzjonali. Azzjonijiet kundannabli li ħafna drabi jibqgħu mistura kawża ta’ biżgħa mit-tfal li jkunu mhedda.

Fi tmiem il-ġimgħa kellna każ fejn żewġt ibniet allegatament sfaw attakati b’arma li taqta’ fejn nafu li l-iżgħar waħda, li għandha 12-il sena biss, tinsab fil-periklu tal-mewt. Każ xokkanti iżda reali ta’ vjolenza domestika fuq minuri. Hawn wieħed jistaqsi x’wassal għal tali attakk ikrah u kif ma kienx hemm sinjali li l-istess minuri kienu f’tali periklu? U jekk kien hemm sinjali li kienu f’periklu serju, għaliex dawn tħallew vulnerabbli għal dan il-periklu?

F’pajjiż li f’dawn l-aħħar snin ħadem qatigħ biex jindirrizza l-pjaga tal-vjolenza domestika kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal, każ bħal dan jerġa’ jqajjem urġenza ta’ aktar azzjoni, aktar viġlinanza u aktar passi. Dan l-inkwiet fuq tfal u adolexxenti huwa abbuż intollerabbli li barra l-Istat, ilkoll kemm aħna għandna d-dover li naraw kif inqajmu għarfien u nirrapportaw kull każ ta’ abbuż li nafu bih.

Però, hawn irridu naċċennaw il-fatt li r-responsabbiltà f’temp reali tal-benesseri tal-minuri taqa’ f’idejn il-ġenituri jew il-kuraturi li jkunu qegħdin jieħdu ħsiebhom. Huwa mistenni li dawk li għandhom din ir-responsabbiltà, jaraw li jġorruha bis-sħieħ u bla waqfien. F’dinamika ta’ familji estiżi huwa ferm importanti li l-ġenituri jaraw li wliedhom ikunu siguri u maħbuba mit-terzi persuni. Dan minħabba li huwa dritt tat-tfal li jkunu mħarsa u mhux li jkunu kkalpestati, abbużati jew saħansitra jitħallew fi stat kritiku li jiġġieldu għal ħajjithom. Dan qatt u qatt m’għandu jkun. 

Kif għidna l-vjolenza domestika għandha diversi forom ta’ abbuż u hawn irridu nieħdu ħsieb li l-minuri mhux biss ma jsofrux minn ħsara fiżika li “tidher” imma wkoll minn dik verbali jew emozzjonali. Dan huwa abbuż inviżibbli li jaqta’ aktar minn sikkina. Abbuż li jħalli impatt psikoloġiku tant negattiv li jaffetwalhom il-bqija ta’ ħajjithom. Tfal vittmi ta’ tali abbuż jispiċċaw bla kontroll tal-ambjent li jgħixu fih minħabba ċ-ċirkostanzi sfortunati li spiċċaw fihom. 

Għalhekk, huwa importanti li kemm fil-familja, kemm fl-iskejjel, fil-komunità u fl-aħħar mill-aħħar bħala soċjetà, nosservaw lill-minuri mill-viċin, nitkellmu magħhom u li nisimgħuhom. Jekk nagħmlu dan, abbuż minn vjolenza domestika joħroġ fil-miftuħ u b’dan il-mod inkunu nistgħu nieħdu azzjoni u niġġieldu din il-pjaga soċjali li, kif rajna, misset ukoll vittmi vulnerabbli u minuri.

Ekonomija

Sport