Sunday, December 22, 2024

It-tfal u ż-żgħażagħ irid ikollhom sehem importanti fit-tfassil tal-lokalitajiet li rridu

Aqra wkoll

Fi żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel lin-nursery u l-klabb tal-futbol ta’ Dingli Swallows, tkellem ma’ uħud mit-tfal u ż-żgħażagħ li jingħataw it-taħriġ minn dan il-klabb, li kellhom l-opportunità li mhux biss iressqu ’l quddiem l-ideat tagħhom għal-lokalità li jgħixu fiha iżda anke dawk dwar is-settur sportiv.

Il-Prim Ministru stqarr magħhom li għandhom sehem importanti fit-tfassil tal-lokalitajiet li jridu u li bl-attiviżmu tagħhom qegħdin ikomplu jsaħħu l-komunitajiet. Liema komunitajiet dan il-Gvern se jibqa’ jinvesti biex jissaħħu u għalhekk ħeġġiġhom biex ikomplu jressqu ’l quddiem aktar ideat.

Huwa faħħar ukoll is-sens ta’ komunità li qiegħed joħloq dan il-klabb sportiv f’Ħad-Dingli, bit-tfal u ż-żgħażagħ fiċ-ċentru, u b’ħidma mill-Kumitat, il-coaches u l-ġenituri. Irrimarka li bid-dedikazzjoni tagħhom, organizzazzjonijiet sportivi bħal dawn qegħdin mhux biss iżommu l-komunità attiva iżda qegħdin joffru valuri, edukazzjoni u esperjenzi uniċi lit-tfal u żgħażagħ tagħna lil hinn mill-bank tal-iskola.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-investiment li l-Gvern qed jagħmel fit-tfal u ż-żgħażagħ, bl-għan li jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna. L-investiment fis-settur sportiv huwa eżempju ta’ dan u juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fit-talenti tagħhom. B’faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd, li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ persuni sportivi, minn dawk li jagħmlu taħriġ bażiku għal dawk professjonali. Il-Gvern qed jaħdem biex ikollu faċilitajiet sportivi ta’ standards internazzjonali li jsaħħu l- industrija tal-isport Maltija.

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonkluda li għal dan il-Gvern tibqa’ prijorità li l-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li jkollhom l-aqwa għodod sabiex uliedhom jirnexxu fl-iskola, ser inkomplu nagħtu l-istess importanza wkoll lill-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-isports, l-arti u l-kultura.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri.

Ekonomija

Sport