Tuesday, January 27, 2026

It-tfittxija għat-tifla tiġi sospiża… se titkompla għada filgħodu

Aqra wkoll

Hekk ix-xemx niżlet, u kull tfittxija rriżultat fin-negattiv, ġie deċiż li għal-lum it-tfittxija tiġi sospiża, iżda se tkun qiegħda titkompla għada filgħodu mas-sebħ.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ għamlu dak kollu posibbli biex isibu lit-tifla li lbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-6.15pm inġarret minn mewġa kbira fiċ-Ċirkewwa.

S’issa nstabet il-ġakketta r-roża biss.

F’dan il-każ il-missier ta’ 49 sena u ħuha ta’ 17-il sena wkoll inġarru mill-istess mewġa, iżda rnexxielhom jitilgħu lura l-art weħidhom.

Aktar kmieni: Tinstab il-ġakketta roża tat-tifla

Fl-aħħar ħinijiet instabet il-ġakketta roża tat-tifla li tinsab mitlufa fil-baħar qrib iċ-Ċirkewwa.

F’kummenti lill-midja, ċ-Chief Assistance and Rescue Officer tas-CPD, Mark Zammit qal li l-ġakketta roża li instabet fuq il-blat hija tat-tifla.

Il-ġakketta ġiet murija lill-ġenituri tat-tifla u kkonfermaw li hija tagħha.

Zammit qal li issa t-tfittxija se tkun iffukata fejn instabet il-ġakketta filwaqt li qal li l-kundizzjonijiet tal-baħar għadhom ħżiena ħafna.

Aktar kmieni: “Kienu qegħdin jieħdu xi ritratti mis-South Quay”

It-tfal flimkien mal-missier kienu qegħdin jieħdu xi ritratti mis-South Quay taċ-Ċirkewwa meta ġiet mewġa u kaxkrithom minn fuq il-moll.

Hekk stqarr mal-midja l-Uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili Mark Zammit li qiegħed fuq il-post biex titmexxa l-operazzjoni bit-tama li tinstab it-tifla ta’ 13-il sena.

Zammit jgħid li l-Pollakki ma kienux jafu bit-twissija tar-riħ qawwi li ħarġu l-awtoritajiet u fil-ħin li seħħ il-każ niżlu fil-South Quay biex jieħdu xi ritratti. Jgħid li huma ressqu qrib sew il-baħar.

Il-mewġa ħadet lit-3 persuni li huma bil-missier ta’ 49 sena jitla’ u jsofri xi ġrieħi f’siequ filwaqt lit-tifel ma sofra l-ebda ġrieħi. Zammit qal iżda t-tifla ma kellix l-istess xorti għax il-mewġ baqa’ jkaxkara ‘l barra u sparixxiet fil-baħar.

Bħalissa għada għaddejja l-operazzjoni tas-salvataġġ anke permezz ta’ drone bit-tama li tinstab it-tifla.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport