Sunday, November 24, 2024

IT-TGERGIR WAĦDU MA JOFFRI L-EBDA SOLUZZJONI GĦALL-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU

Aqra wkoll

Iddur fejn iddur, tipprova kemm tipprova, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna hija waħda li qiegħda toffri sfida serja lill-entitajiet responsabbli anke mis-sigurtà tal-istess sewwieqa u kif ukoll il-bqija taċ-ċittadini li jużaw mhux biss trasport alternattiv, iżda anke dawk li jagħżlu li jimxu.

Dwar dan is-suġġett kien hawn u għad iridu joħorġu ħafna opinjonijiet ta’ x’jista’ jsir biex din is-sitwazzjoni kemm jista’ jkun tiġi mrażżna. Issib dawk li huma favur bidla għall-aħjar b’miżuri li jistgħu verament itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u oħrajn irrassenjati li m’hemmx tama li s-sitwazzjoni taqleb għall-aħjar.

Ħafna drabi dawn tal-aħħar jinħbew wara ħafna sitwazzjonijiet fosthom il-problema tal-influss tal-barranin li kulma jmur bħal donnhom qegħdin isiru – għall-poplu tagħna – il-problema ewlenija ta’ din l-isfida maġġuri.

Il-problema tat-traffiku mhijiex biss li tagħmel nofs siegħa, siegħa jew sagħtejn imwaħħal bla ma tiċċaqqlaq wara serbut karozzi jew li tispiċċa tittardja għal xi appuntament. Wara l-istatistika ta’ ċertu inċidenti tat-traffiku, uħud minnhom gravi, hemm il-ħajja mgħaġġla fejn kulħadd qiegħed jipprova jġebbed il-ġurnata biex forsi jlaħħaq il-lista twila ta’ qadi li jkun lesta – liema lista lanqas tkun possibbli mingħajr appuntament.

Quddiem pressjoni kbira minħabba żieda fl-inċidenti fatali tat-traffiku, minkejja li l-Ministru konċernat ħafna drabi jispiċċa redikolat b’kummenti li nemmnu li – anke fi sfond ta’ ċertu rabja – xejn ma jagħtu ġieħ lil min jiktibu pubblikament fuq il-midja soċjali mperrċin għal kulħadd, mhuwiex minnu li fl-aħħar xhur baqa’ ma sar xejn.

Hemm bżonn li nkomplu nxammru l-kmiem biex naħdmu għal iktar sigurtà fit-toroq tagħna? Dażgur li baqa’ xi jsir u nemmnu wkoll li lil hinn mir-retorika ta’ ċertu politiċi li issa qabdet tindara sewwa u li minflok jippruvaw jersqu bis-soluzzjonijiet biex nimxu flimkien bħala nazzjon ’il quddiem jispiċċaw f’attakki ta’ propoganda partiġġjana, qed naraw żieda fl-infurzar li nemmnu li hija l-aħjar soluzzjoni biex mhux biss innaqqsu l-inċidenti, iżda sussegwentament innaqqsu wkoll l-iffullar fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u t-tensjoni kbira fuq il-ħaddiema li xi mumenti jispiċċaw responsabbli mill-ħajja ta’ ħaddieħor li tkun imdendla fuq ħajta minħabba l-gravità tal-ġrieħi.

Iżda fuq kollox ta’ min ifaħħar l-ispezzjonijiet għal għarrieda li bdew jintensifikaw f’ħidma kollaborattiva bejn il-Pulizija u l-Uffiċjali ta’ Transport Malta. Ma nemmnux li qabel ma kien qiegħed isir xejn, iżda l-fatt li l-pubbliku qiegħed jingħata stampa aktar ċara b’ċifri minn ġimgħa għall-oħra, huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba.

Naqblu mal-fatt li mhux biss jinħarġu multi rispettivi, iżda kellek vetturi li saħansitra ġew irmunkati sakemm ikunu dikjarati konformi mal-liġijiet tal-pajjiż fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jaċċessa t-toroq tagħna.

Naqblu dwar il-fatt li bħala poplu jitniggeż meta tmisslu l-but, iżda dawn l-ispezzjonijiet mhumiex l-unika soluzzjoni. Kull wieħed u waħda minnha ladarba nkunu fit-triq jeħtieġ li nagħmlu l-parti tagħna. Jekk qiegħed wara l-isteering u daqqlek il-mobile huwa fid-dmir tiegħek li ma ċċedix għall-pressjoni u tistenna sakemm tkun f’sitwazzjoni sigura biex tagħmel dan, iżda jekk qiegħed miexi tajjeb ukoll li tirrispetta liċ-ċiklisti u lis-sewwieqa u tagħmel użu minn passaġġi pedonali u jekk se taqsam tagħmel dan b’attenzjoni u ma jittieħed l-ebda sogru … dan kollu biex ma nimxux ftit passi sakemm insibu minn fejn naqsmu … Aħjar uff milli aħħ u għalhekk jeħtieġ li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu lejn soċjetà b’toroq aktar siguri għal kulħadd.

Sport