Saturday, December 21, 2024

“It-theddida nukleari”… turi l-frustrazzjoni ta’ Vladimir Putin

Aqra wkoll

Il-gwerra fl-Ukrajna daħlet fis-seba’ jum tagħha. Gwerra li bdiet bl-invażjoni minn truppi Russi fl-Ukrajna. Invażjoni li inbidet minn diversi partijiet. Invażjoni li kollox jindika li n-naħa Russa kienet qed tistenna li tmur ħafna aħjar milli marret sa issa. Ir-reżistenza li qed jiffaċċjaw it-truppi Russi b’mod partikolari fin-naħa tal-kapitali Kiev, ma kinitx mistennija lanqas mir-Russi stess. Is-sitwazzjoni fil-lvant tal-Ukrajna, fir-reġjun Donbas, is-sitwazzjoni hi differenti, fejn hemmhekk ir-reżistenza hi ferm inqas.

Ir-reżistenza Ukrena, qed iżżomm milli truppi Russi jieħdu f’idejhom bliet u żoni qrib Kiev. Rajna kif konvojs Russi ġew attakki u sofrew danni kbar jew inqerdu, f’attakki mill-Ukreni. Rajna ukoll persuni ċivili jattakkaw jew jikkonfrontaw suldati jew tankijiet Russi. Rapporti kienu jitkellmu ukoll fuq suldati Russi li abbandunaw it-tagħmir militari u oħrajn li inqabdu priġunieri tkellmu fuq nuqqas ta’ provvisti biex isostnu l-avvanzi tagħhom f-Ukrajna. 

M’hemm ebda dubju li aktar ma ttul din il-gwerra, akbar se jkun it-telf għar-Russi. ll-fatt li persuni ċivili u nies oħra, fosthom ġellieda barranin, qabdu l-armu biex jiddefendu lill-Ukrajna mill-invażjoni Russa, se jfisser reżistenza akbar għat-truppi Russi.

Illum is-sinjali ta’ frustrazzjoni fir-Russi u f’Putin jidhru ċari. Jidher li l-pjani ta’ invażjoni b’mod partikolari fejn jirrigwarda lil kapitali Ukrena Kiev, ma laħqux l-aspettattivi. Mar-reżistenza Ukrena u -immaġini maħruġn ta’ tagħmir militari Russu meqrud u suldati maqbudin, kien hemm ukoll is-sanzjonijiet li saru kontra r-Russja flimkien mal-għeluq tal-ispazji ta’ l-ajru ta’ għadd kbir ta’ pajjiżi għall-ajruplani Russi. Ma’ dan kellek id-daqqa l-isfel għal munita Ewro. Ma’ dawn  imbagħad hemm is-sanzjonjiet li l-għan tagħhom hu jiddistabbbilizzaw l-ekonomija finanzjarjament. Iċ-ċittadini Russi mistennija jħossu dan l-effett ta’ ekonomija aktar dgħajfa. Wieħed jistenna li dan se jkomplu jżid l-iskuntentizza tal-poplu Russu u r-rabja tiegħu lejn Putin. Diġa rajna kif sa mill-ewwel sigħat tal-gwerra, fir-Russja saru protesti f’diversi żoni biex juru li ma jaqblux ma’ din il-gwerra.

Nemmnu li hu proprju minħabba dawn ir-raġunijiet, li r-Russja kellha tilgħab karta oħra. Karta oħra li tbeżża u twerwer in-nies fil-Punent. Fuq kollox, din il-karta li lagħab Putin, turi l-frustrazzjoni li jinsabu fiha – ta’ gwerra li mhix sejra kif mixtieq.

Il-karta hi dik ta’ theddida nuklejari. Din hi dik li Russja poġġiet il-qawwiet nukleari fuq stat ta’ allert ogħla. Hu fatt li meta jissemmew l-armi nukejari, minn moħħok l-ewwel ħsieb li jgħaddi hu li dawn m’għandhomx jintużaw. Mill-banda l-oħra hemm it-theddida li jekk tbeżża bl-armi nuklejar, tispiċċa  twerwer lin-nies u b’hekk forsi tasal fejn ma kontx wasalt qabel. 

Mistoqsija li trid issir hi dik ta’ kemm it-theddida nuklejari ta’ Putin hi reali. Ma ninsewx li fil-passat kien hemm kriżijiet u ma kinux kriżijiet żgħar. Kellna il-gwerra l-bierda. Il-kriżi ta’ Kuba u l-invażjoni Russa fl-Afganistan. Kriżijiet li fihom minkejja biża ta’ użu ta’ armi nuklejari, dan ma seħħx. 

M’għandna ebda dubju li t-theddida li għame Putin bl-armi nukejari, saret għax qed jara l-falliment tal-invażjoni fl-Ukrajna. Qed jara l-appoġġ jonqoslu. Aktar u aktar ċittadini f’pajjiżu stess qed jitkellmu u juruh li mhux jaqblu ma’ din il-gwerra. Fuq kollox qed jara l-punent magħqud, fejn anke pajjiż bħall-Iżvizzera li dejjem ħaddan in-newtralità, issa għalqu l-ispazju tal-ajru għar-Russi. Prattikament bl-invażjoni tiegħu għaqqad il-Punent.

Kien proprju għalhekk li ma kienx fadallu triq oħra għajr dik li jsejjaħ għal laqgħat ta’ paċi, waqt li jhedded bin-nukejari.

M’hemmx dubju li quddiem it-telf li qed isofri f’din l-invażjoni mibdija minnu, Putin qed jara t-taħdidiet ta’ paċi bħala l-aħjar ċans biex iwaqqaf it-telf li qed isofri. Bi ftehim minn dawn t-taħdidiet forsi jista’ b’xi mod jiddikjara rebħa. Forsi tkun dik li r-reġjun tad-Donbas ikun meħlus, u li l-Ukrajna mhix se tissieħeb fin-NATO. Ma’ dan jitneħħew is-sanzjonijiet u jinfetħu l-ispazji tal-ajru.

Il-punent u l-Ukrajna minn ftehim ukoll jistgħu jgħidu li ħarġu rebbieħa. Se jsemmu li l-Ukrajna baqgħet stat sovran. Se jgħidu li s-sanzjonijiet ħadmu.

Jiġri x’jiġri fil-jiem li ġejjin, dak li seħħ fl-aħħar jiem nemmnu li se jkompli jżid l-oppożizzjoni għall-Vladimir Putin f’pajjiżu stess. Nemmnu li dak li seħħ, jista’ jwassal biex aktar u aktar ċittadini Russi iduru kontrieh. Nemmnu li l-poplu Russu għandu jieħu tagħlima minn dak li għaddej. Il-poplu Russu għandu jħares lejn il-Punent. Dan biex jakkwistaw drittijiet u libertajiet li jeżistu fil-punent u li ma jeżistux fir-Russja. Dan il-pass rajnieh qiegħda tagħmlu l-Ukrajna, għalkemm kien għad fadiha x’taqdef.

Nemmnu li l-poplu Russu għandu jiftaħ għajnejh u jara eżattament fejn jista’ jwasslu l-imperjaliżmu li qed joħloq bih Putin. Imperajaliżmu li qed iwassal biex illum ir-Russja hi iżolata aktar minn qatt qabel. Mhux biss iżolata imma anke l-alleati storiċi tagħha ma ħarġux għonqhom għaliha f’dan il-kunflitt. Il-poplu Russu irid jifhem li dan l-iżolament se jaffettwalu ħajtu. Se jaffettwalu l-aspirazzjonijiet tiegħu u l-kwalità ta-ħajja. 

Ekonomija

Sport