Sunday, April 6, 2025

It-theddida tal-lemin estrem

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem komplejna nesperjenzaw il-gwerra kummerċjali mibnija mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump. Rajna kif saru tariffi fuq l-karozzi manifatturat fl-Ewropa u pajjiżi oħra, l-aluminju u l-azzar fost oħrajn. Rajna politika ta’ deportazzjonijiet mill-Istati Uniti.

Rajna lit-tmexxija ta’ Trump taqbeż u tappoġġja lil Le Pen, li tmexxi partit tal-lemin estrem fi Franza. Ma’ dawn imma rajna ukoll il-gwerra kontra l-libertà akkademika u l-espressjoni ħielsa fl-Universitajiet Amerikani. Xi ħaġa xokkanti għall-aħħar. Kellna l-każ ta’ Mahmoud Khalil li litteralment nħataf quddiem martu tqila u dan kollu għax ħa sehem fi protesti kontra l-invażjoni ta’ Gaża. Spiċċa mhedded bid-deportazzjoni minkejja li għandu l-Green Card u miżżewweġ mara Amerikana. Wara rajna kif beda jiġi indikat b’mod ċar ħafna li protesti universitarji m’humiex ttollerati u bdew isiru bosta rejds f’residenzi tal-istudenti. Quddiem dan kollu, qegħdin naraw kif il-lemin estrem qed jerfa’ rasu. Dan qed isir mhux fl-Istati Uniiti biss imma anke fl-Ewropa.

Minkejja dak li qed jitwettaq fl-Istati Uniti u anke f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej minn partiti li estremisti, il-prinċipju sagrestant jibda li f’dinid-dinja kulħadd hu indaqs. Nistgħu inkunu differenti, imma xorta waħda nibqgħu indaqs fid-drittijiet u fid-dinjità. Prinċipju li llum qiegħed jiġi imwarrab u injorat minn dawn il-partiti tal-lemin estrem u anke minn gvernijiet oħra li donnhom qegħdin jitħajru jimxu fuq l-istess passi.

Forsi jkun hawn min jistaqsi għaliex il-lemin estrem qiegħed jera’ rasu, anki fl-Ewropa? Possibbli l-popli u l-Istati Ewopew insew minn xhied għaddiet l-Ewropa ftit aktar minn tmenin sena ilu fit-Tieni Gwerra Dinjija?

M’hemm ebda dubju li l-faqar, il-povertà, it-tnaqqis tal-kwalita tal-ħajja u nuqqas ta’ finanzi għal servizzi pubbliċi, iwasslu biex il-faxxisti jirkbu fuqhom u jibdew imbagħad jitfgħu it-tort għal dan fuq kulturi oħra u minoritajiet fis-soċjetà. Ma’ dawn għandek l-aspett tal-bidla fil-klima li l-istess lemin estrem jippruvaw ukoll jirkbu fuqu.

Dak li qiegħed jiġri fl-Ewropa u l-mod kif il-lemin estrem qiegħed jieħu vantaġġ, kollox qiegħed juri li l-impenn tal-Ewropa għall-azzjoni dwar il-bidla fil-klima tinsab f’mument kritiku. Jekk se jkun hemm aktar konċessjonijiet fuq il-klima se jkun ifisser telf fil-battalja kontra t-tibdil fil-klima u dan meta hemm bżonn azzjoni urġenti. Dan għax is-servizz tal-klima tal-Unjoni Ewropea kien ħabbar li t-tisħin globali minn żminijiet preindustrijali għall-ewwel darba qabeż l-1.5C fis-sena u dan hu ksur sinifikanti tal-limitu  tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Nemmnu li t-tisħiħ u l-protezzjoni tad-demokrazija Ewropea teħtieġ pożizzjoni determinata kontra l-lemin estrem. Dan jista’ jsir biss jekk l-Unjoni Ewropea tissalvagwardja l-valuri tagħha. Valuri li wieħed irid jammetti iddgħajfu sew fl-aħħar snin. Qegħdin nitkellmu fuq il-valur tad-dinjità umana, li jkun rispettat u protett. Il-valur tal-libertà li jagħti liċ-ċittadini id-dritt li jmur bla xkiel fejn irid fl-Unjoni Ewropea flimkien ma’ libertajiet individwali fosthom ir-rispett għal ħajja privata, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà reliġjuża, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni li huma kollha protetti biċ-Charter Ewropew għad-Drittijiet Umani. Ma’ dawn imbagħad hemm il-valur tal-ugwaljanza, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Nemmnu għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ tagħti prijorità lill-azzjoni klimatika għax b’hekk biss tista’ tittama li tissalvagwardja l-valuri tagħha u tipproteġi lilha nnifisha mill-ideoloġiji tal-lemin estrem. Ideoloġiji estremi li jitmexxew u jirnexxu fuq informazzjoni ħażina, mibegħda u disprezz sfaċċat jipperikolawna lkoll.

Dwar dan sa issa qegħdin naraw Unjoni Ewropea dgħajfa. Unjoni Ewropea li aktar hi ffukata fuq kemm se ssaħħaħ lilha nfisha f’armamenti u suldati u kemm se tkun qed tkompli toħroġ flus f’armamenti għall-Ukrajna, milli li tiġġieled għadu stess li għandha fi ħdanha u li qed jerfa’ rasu. Kemm hu importanti li l-Unjoni Ewropea ma tħallix l-istorja terġa’ tirrepeti ruħha.

U min jgħid li l-faxxiżmu u l-lemin estrem tal-passat għadda żmienu, qed jiżbalja bil-kbir. Hemm differenzi bejn l-estremiżmu tal-lemin tal-passat u dak tal-lum, imma l-bażi tibqa’ l-istess. Id-differenza bejn il-faxxiżmu tal-passat u dak li llum jissejjaħ ‘neo faxxiżmu’ naraw li llum in-neofaxxiżmu ma jiddependix fuq il-forzi paramilitari li kkaratterizzaw l-faxxiżmu fil-passat. In-neofaxxiżmu ma jippretendix li huwa il-preċedessur tal-faxxiżmu tal-passat.

Il-politika neo faxxxista llum ma twassalx għall-espansjoni tat-territorju iżda pjuttost jieħu ispirazzjoni mill-ħsieb neoliberali fis-sejħa tiegħu biex jitnaqqas ir-rwol ekonomiku tal-Istat favur il-kapital privat. Waqt li l-faxxiżmu tas-seklu għoxrin kiber fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li segwiet wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, in-neofaxxiżmu llum kiber fil-kuntest tal-kriżi li qed tmur għall-agħar tan-neo liberaliżmu, speċjalment wara ir-“Reċessjoni” li rriżultat mill-kriżi finanzjarja tas-sena 2007-08. Il-bażi tan-neofaxxiżmu hi l-istess bħal dik tal-faxxiżmu tal-passat. Mobilizzazzjoni aggressiva u militanti tal-bażi popolari simili għal dik li kkaratterizzat lill-predeċessuri tagħha, li huma fanatiżmu Nazzjonalista u etniku, ksenofobija, razziżmu, maskilità assertiva, u ostilità estrema għall-illuminiżmu u l-valuri tal-emanċipazzjoni.

Din hi theddida li għandna llum. Theddida li jidher li għandna ħafna li nsew fejn kienet waslet lil Ewropa tmenin sena ilu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport