Friday, November 15, 2024

“It-tibdil fil-klima qed joqtol in-nies”… ikompli t-temp estrem fl-Ewropa

Aqra wkoll

il-Punent tal-Ewropa kompla jinħakem minn sħana infernali, liema mewġa ta’ sħana mistennija li timxi lejn it-Tramuntana.

Ġewwa Franza u r-Renju Unit inħarġu twissijiet minħabba din il-mewġa ta’ sħana filwaqt li fit-Tramuntana ta’ Spanja t-temperatura kisret ir-rekord meta mmarkat 43oC. Is-sħana qalila wasslet ukoll biex intensifikaw in-nirien li qed jaħkmu partijiet minn Franza, il-Portugall, Spanja u l-Greċja fejn eluf ta’ persuni kellhom jiġu evakwati. Sfortunatament, żewġ persuni fi Spanja u tnejn oħra fil-Portugall tilfu ħajjithom hekk kif dawn ma rnexxilhomx jaħarbu min-nirien. 

Franza kienet fost l-iktar pajjiżi milquta minn din is-sħana, fejn fil-belt ta’ Nantes t-temperatura laħqet it-42oC. Ġewwa dan il-pajjiż nirien f’diversi żoni wasslu biex 30,000 persuna kellhom jiġu evakwati kif ukoll xejn inqas minn 1,000 annimal li kienu f’żoo. Girone, li hija żona turistika popolari, qiegħda tintlaqat minn nirien qalila li diġà qardu 17,000 ettaru ta’ art. Is-sitwazzjoni f’Girone hija waħda delikata ferm tant li l-President Reġjonali ddeskriva s-sitwazzjoni bħal qisha “mostru”. Huwa tenna li l-ħidma biex in-nirien jiġu kkontrollati hija waħda kkumplikata ferm u dan hekk kif ir-riħ u n-nuqqas ta’ ilma fl-arja qegħdin ikabbru l-problema. 

Spanja wkoll qiegħda tinħakem minn temp estrem tant li l-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez qal li “t-tibdil fil-klima joqtol… joqtol in-nies, u joqtol l-ekosistemi u l-bijodiversità.” F’dawn l-aħħar jiem ġewwa Spanja u l-Portugall ġew attribwiti xejn inqas minn 1,000 mewt kawża tal-mewġa tas-sħana. 

Esperti qed jisħqu li t-tisħin globali huwa l-fattur ewlieni għaliex qiegħed ikun  hawn dawn l-avvenimenti estremi ta’ temp. 

Ekonomija

Sport