Friday, September 13, 2024

“It-tibdil fil-klima qiegħed fuq ix-xefaq u l-umanità mhix ippreparata”

Aqra wkoll

Panel xjentifiku tan-Nazzjonijiet Uniti qal li l-problemi tat-tibdil fil-klima qegħdin fuq ix-xefaq, u l-umanità hija ’l bogħod ħafna milli tkun preparata għalihom. Ix-xjentisti tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li fil-preżent diġà hemm kważi nofs il-popolazzjoni tad-dinja li hija vulnerabbli għall-perikli li t-tibdil fil-klima jista’ jikkawża u għalhekk f’rapport li ħarġu l-esperti qed jitolbu biex ikun hemm azzjoni drastika fuq skala kbira. 

L-esperti qalu li fost affarijiet oħrajn hemm bżonn li terz jew anke nofs il-pjaneta tagħna tiġi konservata biex b’hekk ikun aċċertat li fil-futur ikun hemm provvisti adegwati ta’ ikel u xorb għal kulħadd. Apparti hekk huma qalu li bliet kostali jeħtieġ li jibdew jaħdmu fuq pjanijiet serji biex jipproteġu lin-nies tagħhom minn maltempati u ż-żieda fil-livell tal-baħar. 

Ir-rapport imsemmi huwa l-iktar wieħed riċenti ppubblikat mill-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) u jikkonsisti f’3,675 paġna. Dan id-dokument jiffoka fuq kif in-natura u s-soċjetajiet qegħdin jiġu affettwati mit-theddida tat-tibdil fil-klima u jagħti pariri dwar x’jista’ jsir biex id-dinja tadatta. 

Qabel il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li, “adattament isalva l-ħajjiet”.

Ekonomija

Sport