Il-Mediterrane Film Festival jirritorna għat-tielet edizzjoni tiegħu, li se ssir bejn il-21 u d-29 ta’ Ġunju 2025 fil-Belt Valletta u f’lokalitajiet oħra storiċi u ikoniċi madwar il-pajjiż.
B’aktar minn 40 film minn madwar 20 pajjiż, inkluż 10 films fil-kompetizzjoni, 12-il film barra mill-kompetizzjoni u sitta oħra li qed jikkompetu fis-sezzjoni “Mare Nostrum” li għandha tema ambjentali, il-Festival se jlaqqa’ wkoll persuni distinti fil-qasam taċ-ċinematografija permezz ta’ masterclasses u programmi ta’ attivitajiet oħra li se jsiru fil-Fortizza tar-Rikażli.
Il-kompetizzjoni ewlenija tal-Mediterrane Film Festival se tinkludi fiha films bħal “The Return”, “Hot Milk”, “Reflection in A Dead Diamond”, “Harvest” u “Where The Wind Comest From” fost oħrajn. Min-naħa l-oħra, fost il-films barra mill-kompetizzjoni hemm “Peter Hujar’s Day”, “The Ballad of Wallis Island” u “The Wedding Banqet”.
Il-programm relatat mat-tema ambjentali “Mare Nostrum” se jinkludi fih: “Miyazaki: Spirit of Nature”, “How Deep is Your Love” u “Transamazonia” fost oħrajn.
Golden Bee Awards, Avvenimenti u Masterclasses
Il-ġurija tal-kompetizzjoni ta’ din is-sena se tkun komposta minn Elli Griff, Rick Carter u Catherine Hardwick, li flimkien mad-disinjatriċi tal-kostumi Charlese Antoinette, id-disinjatur tal-produzzjoni ta’ Poor Things James Price u d-Direttur Malti Mario Philip Azzopardi se jiddeterminaw ir-rebbieħa tal-Golden Bee Awards, li se jiġu mħabbra f’avveniment speċjali Gala nhar id-29 ta’ Ġunju 2025.
Elli Griff, Rick Carter u Catherine Hardwicke se jipparteċipaw ukoll f’sensiela ta’ Masterclasses matul il-festival, flimkien mad-direttur ta’ Hollywood Joe Carnahan, il-produttur u fundatur ta’ Recorded Picture Company, Jeremy Thomas u Glenn Gainor, Kap tal-Produzzjoni Fiżika, Amazon Original Movies.
Il-Golden Bee Awards 2025 qegħdin jimmarkaw iċ-ċelebrazzjoni ta’ 100 sena ta’ films f’Malta, li jonoraw ir-rwol ta’ Malta bħala hub ċinematiku u jħaddnu l-futur tal-produzzjoni tal-films. Għall-gran finale tal-Mediterrane Film Festival, iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ premjijiet se jsiru fil-Forti Manoel.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li “l-Mediterrane Film Festival twieled minn idea sempliċi iżda b’saħħitha – li ġġib flimkien l-imħuħ kreattivi mill-Mediterran u minn madwar l-Ewropa u tittrasforma l-ideat tagħhom f’realtà. Aħna nħaddnu l-opportunità, il-kollaborazzjoni u l-kreattivita.”