Tuesday, February 3, 2026

It-Tielet Fażi tas-Servizz tal-Oncology Outreach se Titnieda f’Għawdex

Aqra wkoll

Aktar tard din is-sena se titnieda t-tielet fażi tas-Servizz tal-Oncology Outreach, bil-wasla tal-ewwel unit mobbli f’Għawdex. Dan il-pass importanti sar possibbli grazzi għall-fondi miġbura matul il-Kampanja Edukattiva Nazzjonali Pink October Movember 2025, organizzata mill-Fondazzjoni Marigold.

Dijanjosi ta’ kanċer iġġib magħha sfidi kbar finanzjarji, fiżiċi u emozzjonali. Ħafna pazjenti jkollhom iżuru l-isptar ta’ spiss għall-kura ,kultant diversi drabi fil-ġimgħa, anke meta jkunu għajjenin hafna. Il-Proġett tal-Oncology Outreach, li nbeda sentejn ilu mill-Fondazzjoni Marigold b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC), għandu l-għan li jnaqqas dan il-piż billi jressaq servizzi essenzjali eqreb lejn il-pazjenti.

Dan il-programm komprensiv joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi mmirati biex il-vjaġġ tal-pazjent isir aktar faċli, komdu u kosteffettiv. Huwa jtejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja, inaqqas il-piż tat-trattament tal-kanċer, u jżid l-aċċess għall-kura tal-pazjenti.
It-tielet unità mobbli se testendi dan is-servizz għal Għawdex, u b’hekk se tibbenefika direttament lill-pazjenti Għawdxin billi l-kura tingħata fil-komunitajiet tagħhom stess.

Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold u leader tal-Kampanja Pink October Movember 2025, ħabbret din it-tielet fażi waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum. Hija spjegat li l-unit l-ġdida se tipprovdi servizzi ta’ kura fid-dar lill-pazjenti Għawdxin. Is-servizzi se jinkludu terapiji ta’ appoġġ onkoloġiku u proċeduri bħat-teħid tad-demm u l-manutenzjoni tal-port-a-cath, kif ukoll appoġġ fiżiku, emozzjonali, nutrittiv u psikoloġiku għall-pazjenti u l-familji tagħhom.

Il-proġett għandu wkoll l-għan li jilħaq aktar żoni u komunitajiet, u b’hekk jibbenefika numru akbar ta’ pazjenti. Fejn ikun possibbli, is-servizzi jistgħu jingħataw ukoll fuq il-post tax-xogħol tal-pazjenti, biex dawn ikunu jistgħu jżommu sens ta’ normalità filwaqt li jkomplu bit-trattament tagħhom.

Il-Fondazzjoni Marigold hija kburija li qed tappoġġja dan il-proġett billi tipprovdi t-tielet vettura u tikkoordina l-għoti tas-servizzi f’kollaborazzjoni mill-qrib mad-Dipartiment tal-Onkoloġija.

Dr Danica Marmara, Direttur tal-Cancer Pathways, enfasizzat kif is-Servizz tal-Oncology Outreach joffri appoġġ olistiku kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-familji tagħhom, filwaqt li jnaqqas il-piż finanzjarju fuq is-sistema tas-saħħa nazzjonali. Billi l-kura tingħata fid-dar b’mod kosteffettiv, dan is-servizz jgħin biex jinħelsu sodod u ħinijiet ta’ appuntament kemm fis-SAMOC kif ukoll issa fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-kura mogħtija f’ambjent familjari tnaqqas ukoll it-tfixkil fir-rutina ta’ kuljum tal-pazjenti u tal-familji tagħhom, kif ukoll il-ħin li jqattgħu jivvjaġġaw lejn u mill-isptar.

Dr Marmara saħqet fuq l-importanza tal-Kampanja Pink October Movember fit-tqajjim tal-għarfien, fl-edukazzjoni tal-pubbliku u fit-twettiq ta’ proġetti importanti bħal dan. Dan il-proġett isegwi mill-qrib il-ħafna inizjattivi li twettqu tul l-aħħar ħdax-il sena grazzi għal din il-kampanja.

Immexxija u kkoordinata mill-Fondazzjoni Marigold, it-tim tal-Kampanja Nazzjonali Annwali Pink October Movember se jkompli jikkollabora ma’ NGOs lokali oħra tal-kanċer fuq proġetti addizzjonali bil-għan li jappoġġjaw lill-pazjenti tal-kanċer madwar Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport