Kmieni dalgħodu l-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili komplew bit-tfittxija għat-tifla ta’ 13-il sena li t-Tnejn filgħaxija ġarra l-baħar fiċ-Ċirkewwa.
Jirriżulta li mat-tifla kien hemm ġuvni ta’ 17-il sena li jiġu ħuha li wkoll ġarru l-baħar, iżda b’xorti tajba tela’ waħdu fuq il-blat. Magħhom ukoll kien hemm il-missier li biex isalva lill-uliedu sofra ġrieħi f’siequ. Hu ngħata l-għajnuna medika minn tim ta’ infermiera li marru fuq il-post.
Fi stqarrija, il-Forzi Armati ta’ Malta qalet; ” Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għas-Salvataġġ ilu jikkoordina operazzjoni ta’ tfittxija kontinwa fuq il-baħar għat-tifla Pollakka ta’ 13-il sena, li nħakmet mill-mewġ tal-baħar fiċ-Ċirkewwa”.
Ingħad li minkejja l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp madwar il-Gżejjer Maltin, matul il-ġurnata kollha ntużaw mezzi bl-ajru u tal-baħar f’tentattivi estensivi ta’ tfittxija.
L-AFM saħqet li l-operazzjonijiet ta’ tfittxija reġgħu bdew dalgħodu ma’ tlugħ ix-xemx.
Minħabba li l-baħar imqalleb u r-riħ qawwi mistennija jkomplu tul din il-ġimgħa kollha, RCC Malta tappella lill-pubbliku biex iżomm ’il bogħod minn żoni kostali esposti u tevita li tersaq qrib ix-xtut. Tirriskjawx ħajjitkom, żommu distanza sigura u rispettabbli mill-baħar.

