Sunday, December 22, 2024

“It-tielet patt soċjali li wasalna għalih f’dawn l-aħħar erba’ snin”

Il-Prim Ministru Robert Abela dwar il-ftehim għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel

Aqra wkoll

F’attivita politika fl-Imġarr, Għawdex, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar il-ftehim li ġie ffirmat il-Ħamis li għadda bejn il-Gvern, is-sidien ta’ supermarkets u importaturi tal-ikel dwar stabbilta’ fil-prezzijiet tal-ikel.

Huwa spjega li dan kien it-tielet patt soċjali li dan il-Gvern irnexxielu jasal għalih f’dawn l-aħħar erba’ snin wara l-patt milħuq ftit ġimgħat wara l-pandemija u dak ta’ ftit ġimgħat ilu, bl-akbar żieda fil-paga minima nazzjonali.

“B’dan it-tielet patt soċjali se niggarantixxu stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 400 prodott essenzjali tal-ikel. Stabbilità u serħan il-moħħ,” qal il-Prim Ministru. “Nafu u fhimna għax il-ħin kollu nitħaddtu man-nies li l-inflazzjoni fuq il-prezzijiet tal-ikel kienet u għadha xi ħaġa li qed tħasseb lill-poplu.”

Kien għalhekk, kompla jgħid il-Prim Ministru, li ħadmu kemm felħu fuq din il-kwistjoni b’numru ta’ inizjattivi sabiex tiġi miġġielda l-inflazzjoni. Qal ukoll li dan kien l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ta l-akbar żieda fil-pensjonijiet, li daħħal mekkaniżmu addizzjonali kontra l-inflazzjoni li ħallsu kollu kemm hu l-gvern u dis-sena ssaħħaħ. Dan flimkien maż-żieda b’saħħitha fiċ-children’s allowance.

“Wasalna fejn ħafna qalulna li ma konniex kapaċi naslu. Wasalna għax emminna fina nfusna. Fuq kollox emminna f’kull wieħed u waħda minnkom. Kellna karba tal-poplu. Dik il-karba għażilna li nagħmluha l-ġlieda tagħna,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa fakkar li kienu bdew bi proċess ta’ djalogu mal-importaturi tal-ikel u s-sidien tas-supermarkets u li rnexxielhom jaslu fejn kellhom jaslu wara għexieren ta’ laqgħat u frott il-proċess ta’ persważjoni. “Dik il-viżjoni li ta’ kuljum immexxu lil dan il-pajjiż hi li meta tnaqqas il-piżijiet fuq il-popolazzjoni, il-pajjiż kolllu jimxi aħjar u l-poplu kollu jkun aħjar.”

Dr Abela qal li l-mistoqsija li qiegħda tqum hi jekk dan il-ftehim jibqax sal-budget u mbagħad wara jogħlew il-prezzijiet. Kien hawn fejn enfasizza li fil-budget se terġa’ tiġi analizzata s-sitwazzjoni u “li nista nserrħilkom raskom li dan il-Gvern kien, għadu u se jibqa’ warajkom kollha.”

“U dan kollu jingħad ma’ dak li għamilna fl-aħħar snin. Mill-wage supplement għal skemi ta’ vouchers fil-pandemija għal mekkaniżmu ġdid kontra l-għoli tal-ħajja għal budgets bla taxxi ġodda għall-aqwa investiment f’benefiċċji soċjali u fl-infrastruttura fl-istorja għal roħs u stabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwil, dawl u ilma u ikel.”

Dr Abela ħabbar li minn għada tibda t-tieni fażi tal-konsultazzjoni biex jingħata serħan il-moħħ lill-Għawdxin kollha dwar Ħondoq darba għal dejjem.

L-ewwel kelliem f’din l-attivita kien il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Clint Azzopardi Flores li filwaqt li rringrazzja lill-ewroparlamentari Josianne Cutajar għall-ħidma tagħha fl-aħħar snin, kompla biex isemmi l-ħafna deċiżjonijiet tal-Partit Laburista biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fejn jidħlu l-passatempi, Flores qal li se jara li d-delizzjoni tal-Maltin u l-Għawdxin mhux se jieqfu mal-Ewropa u magħna biss.

Ekonomija

Sport