Sunday, December 22, 2024

It-tieni edizzjoni ta’ Festa Laħam imtella’ b’suċċess

Aqra wkoll

Għat-tieni sena konsekuttiva l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, f’kollaborazzjoni mal-Biċċerija Pubblika u l-Kunsill Lokali tal-Marsa, organizzaw “Festa Laħam”. L-attività din is-sena kienet mibnija fuq żewġ pilastri kulturali, li jingħaqdu flimkien fil-Biċċerija Pubblika, jiġifieri il-kwalità tal-laħam lokali u l-wirt agro-gastronomiku Malti.

Fost dawk li ħadu sehem fl-attività ta’ din is-sena kien hemm il-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali bil-linja ta’ Prodotti KIM’s – Majjal ta’ Malta kif ukoll il-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib bil-linja ta’ prodotti taċ-ċanga tagħhom Tari Beef.

Il-Biċċerija Pubblika kienet preżenti permezz ta’ stand imtella’ flimkien mal-Malta Chef Society li ppermetta li dawk li attendew iduqu prodotti tradizzjonali Maltin fosthom il-kirxa u l-mazzit, kif ukoll għadd ta’ prodotti oħra bi storja lokali twila li iżda il-konsumatur Malti ma għadux jikkonsma daqshekk.

Preżenti l-Ministru responsabbli mill-qasam, Anton Refalo spjega kif fl-aħħar snin il-Biċċerija Pubblika investiet qatigħ biex isseddaq il-kwalità tal-prodott lokali kif ukoll biex dan ikun ivvalorizzat. Huwa saħaq li sar ukoll investiment qawwi f’impjant ġdid għat-tqattigħ, ipproċessar u l-ippakkjar tal-laħam tal-majjal, kif ukoll, it-trattament tiegħu biex ma jixxottax waqt it-tisjir; impjant li ġie ddisinjat sabiex jissodisfa l-kriterji ta’ iġjene u s-separazzjoni neċessarja bejn prodott u ieħor. Il-Ministru Refalo spjega wkoll li qed isir ukoll investiment biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-operat tal-Biċċerija. Sforzi li  raw lill-Biċċerija tnaqqas il-volum ta’ skart organiku b’madwar 10% kif ukoll tnaqqas il-konsum tal-elettriku b’terz.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Marsa u l-Biċċerija Pubblika għall-organizzazzjoni ta’ din l-attività soċjo-kulturali. “Attività bħal tal-lum tagħti eżempju ċar tal-impenn tal-kunsilli lokali sabiex jorganizzaw attivitajiet diversi li jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet rispettivi tagħhom b’modi differenti,” qalet Alison Zerafa Civelli. Hija ħeġġet ukoll lil poplu Malti u Għawdxi sabiex jagħmel użu minn prodotti lokali favur is-sostenn ta’ xogħol ir-raħħala u produtturi oħra Maltin għax ingawdu minn prodott aktar frisk, nutrittiv, u sostenibbli.

Ekonomija

Sport