It-tieni edizzjoni tal-kunċert Kuraġġ, li jgħaqqad il-mużika u l-ispettaklu mar-realtajiet tal-persuni li għaddew jew għaddejjin minn esperjenzi ta’ mard, se ssir fuq tliet serati nhar is-7, 8 u 9 ta’ Novembru fit-Teatru Sależjan, f’Tas-Sliema.
Dettalji dwar Kuraġġ ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta.
Il-President fissret kif dan il-kunċert hu ispirat mill-kuraġġ, reżiljenza u t-tama tal-pazjenti li jiġu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.
L-Eċċellenza Tagħha spjegat kif il-fejqan jiddependi mhux biss mill-għajnuna finanzjarja, imma wkoll l-appoġġ li l-pazjent u l-qraba tiegħu jirċievu matul il-vjaġġ tagħhom tal-ġlieda kontra l-mard. Għalhekk appellat lill-pubbliku biex jikkonkorri għal dan il-kunċert, u b’hekk jinġabru fondi bżonjużi għall-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-Direttur Artistiku ta’ Kuraġġ, Yanis Azzopardi, li spjega kif il-kunċert jirrakkonta u hu ispirat minn stejjer vera, u għandu l-għan li jagħti importanza lill-individwu fl-istess waqt li jitwassal spettaklu ta’ mużika u arti b’għan nobbli.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Mużikali Daniel Cauchi spjega kif il-kunċert ta’ din is-sena qed jerġa’ jitħejja pass pass mal-persuni li ġew bżonn jew għadhom jirċievu l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund, u li għalihom din hi l-opportunità li jirrakkontaw l-istorja tagħhom.
Il-kunċert Kuraġġ għandu kitba tal-awtur Gabriel Lia u narrazzjoni ta’ Pawlu Portelli, u se jġib flimkien lill-kantanti Sarah Bonnici, Jolene Samhan, Brooke Borg, Matthew James Borg, Ryan Hili, Kris Spiteri u l-Vocal Troops, akkumpanjati minn mużika ta’ Big Band Brothers.
Il-kunċert Kuraġġ qed isir bl-appoġġ tal-Fond għall-kawżi Ġusti, u l-biljetti għall-edizzjoni ta’ din is-sena jinsabu għall-bejgħ fuq is-sit showshappening.com.