Saturday, December 28, 2024

It-tieni mara ta’ Stephen Hawking tikxef ħafna sigrieti

Aqra wkoll

Pubblikazzjoni ta’ ktieb ġdid li fih mart il-ġenju tal-fiżika tisħaq li kienet is-seftura tiegħu 

Minn Carmen Cachia

Il-ġenju tat-teorija tal-fiżika u l-kożmologu magħruf, Stephen Hawking, ħalla impatt qawwi fid-dinja akkademika tant li huwa kkonsidrat bħala l-aktar persuna intelliġenti li qatt eżistiet wara l-kbir, Albert Einstein. Hawking, li f’età bikrija kien inħakem minn marda diġenerattiva li għamlietu priġunier f’ġisem li ma jiffonzjonax fuq ħafna livelli, f’ħajtu xorta waħda kiseb suċċessi kbar, anke personali, li persuna b’abiltajiet fiżiċi “normali”, qatt ma timmaġina li tilħaq. Għad-dinja huwa kien persunaġġ ammirevoli għall-intelliġenza u r-reżiljenza personali tiegħu, iżda f’pubblikazzjoni ta’ ktieb ġdid, naraw lat pjuttost oskur mill-ħajja privata ta’ dan ir-raġel li ismu tnaqqax fl-istorja umana.

“Jien m’jien xejn u m’jien ħadd”

Fi ktieb li għadu kemm ħareġ għall-bejgħ il-bieraħ huwa mill-awtur u ħabib ta’ Stephen Hawking stess, Leonard Mlodinow. Il-ktieb “Stephen Hawking: A Memoir of Frienship and Physics” issa jinsab fuq l-ixkafef tal-ħwienet fir-Renju Unit u jirrakkonta kif Jane, f’ikla mal-ħbieb, irrabbjat quddiem il-mistednin fejn qalet li hija seftura ta’ Hawking u li tħossha li m’hija ħadd u xejn minħabba li r-raġel tagħha kien dejjem irid li jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

Elaine Hawking qalet li ż-żwieġ tagħha mal-ġenju famuż kien wieħed turbolenti u ammettiet ukoll li xi drabi tant kienet imdejqa u tħossha rrabjata li kien hemm mumenti li kienet tħoss li tobogħdu.

L-awtur Mlodinow, li huwa wkoll fiżiċist kbir u ħabib tal-qalb ta’ Hawking, jidħol fil-ħajja privata taż-żwieġ bejn Stephen u Elaine. Din tal-aħħar fl-imgħoddi kienet ukoll akkużata li abbużat fiżikament mir-raġel tagħha, li kien fuq siġġu ta’ erba’ roti u ma jiċċaqlax kif irid.

L-awtur qal li l-allegati ferimenti fosthom tbenġil fl-għajnejn u xoffa maqsuma, kienu investigati mill-awtoritajiet iżda ma sabux provi ta’ maltrattament.

Erbgħa persuni f’ċirku ta’ mħabba…

F’dan il-ktieb, li mistenni jkun sensazzjoni fost l-ammiraturi kollha ta’ Hawking, l-awtur jagħti dettalji ġodda dwar il-ħajja personali u intimi ta’ Hawking. Skont is-sigrieti ġodda, jingħad li kien hemm perjodu fejn il-ħajja sentimentali tiegħu kienet tinvolvi erba’ persuni miżżewġin b’relazzjonijiet extra konjugali, li kienu jippretendu li jgħixu bħala familja waħda.

Mlodinow kiteb li Hawking mal-ewwel mara tiegħu, Jane, kien kompletament passiv fejn tidħol l-intimità sesswali u dan minħabba l-kundizzjoni diġenerattiva tiegħu. 

Jane kienet tibża’ li attività sesswali mar-raġel tagħha setgħet toqtlu u barra minnhekk kienet stqarret li ma kienitx miġbuda lejh fiżikament minħabba li kellu “ġisem ta’ vittma tal-Olokawst”. Fil-ktieb jingħad li Hawking u Jane ltaqgħu fl-1963 meta huwa kien kellu 20 sena biss. Huma żżewġu ftit snin wara fejn Hawking kien diġà beda juri sintomi ta’ ALS. 

Il-koppja kienet taf li kellhom futur mimli sfidi u li l-kundizzjoni ta’ Hawking kienet se tħalli impatt negattiv fil-ħajja sesswali tagħhom bħala koppja, iżda huma xorta waħda rnexxielhom ikollhom tlett itfal. 

L-aktar moħħ brillanti wara Einstein

Il-ħajja ta’ Stephen Hawking, li miet fl-2018, ġiet irrakkontata f’film intitolat “The Theory of Everything” bl-attur Eddie Redmayne fil-parti tax-xjentist brillanti iffissat fuq it-teoriji tal-fiżika u l-misteri tal-univers.

L-attur Redmayne rebaħ premju Oscar għall-parti realistika tiegħu ta’ Hawking li kien marid bl-ALS, kundizzjoni magħrufa wkoll bħala l-Lou Gehrig Disease. Din tinvolvi diġenerament tal-funzjonijiet newroloġiċi. 

Din il-kundizzjoni kiefra kienet wasslet bix-xjenzat ta’ fama mondjali ma baqax jitkellem u għalhekk kellu jibda juża programm kompjuterizzat avvanzat biex ilissen xi kliem. Din il-vuċi pjuttost robotika, saret sinonima ma’ dan il-professur ta’ Cambridge.

Mlodinow u Hawking kienu ħbieb kbar għal ħafna snin fejn anke ħadmu flimkien fuq il-ktieb “The Grand Design” tal-2010.

Il-ħajja bħala mart Hawking qatt ma kienet faċli…

Fil-kitba ta’ Mlodinow jingħad kif tul medda ta’ 30 sena żwieġ, Jane spiċċat titma’, tlibbes, taħsel u tmur għall-appuntamenti fl-isptarijiet li kien ikollu ta’ spiss Hawking, kif ukoll it-trawmi li kienet tgħaddi minnhom kull meta kienu jaħsbu li wasal f’xifer il-mewt.

L-awtur kiteb kif f’dan il-proċess u tul is-snin mart Stephen tilfet l-identità tagħha fejn xi drabi kienet tistaqsi lilha nnfisha, ‘jien min jien?’ Il-koppja baqgħu flimkien sal-1985 sakemm Hawking kellu bżonn intervent kirurġiku kruċjali għal ħajtu iżda li kien isarraf f’kura personali 24 siegħa kuljum. Hawn ġara li Hawking sar iħobb lill-infermiera li kienet taħdem għalih li kien isimha kien Elaine Mason. Mlodinow jiddeskriviha bħala mara b’xagħar aħmar, li tħobb l-iskateboard u li ‘żgur taf tmur mal-irġiel’.

Huwa kiteb li: “forsi waħda mir-raġunijiet li Hawking u l-infermiera tiegħu bdew jinħabbu kienet dik li kieku Hawking kellu l-ġisem u l-funzjonijiet ta’ Elaine, kieku kien ikun mera proprju tal-istess Elaine”.

Barra minnhekk l-awtur jgħid li Elaine ma kinitx tħossha skomda jew limitata bil-kundizzjoni fiżika ta’ Stephen. Anzi, pjuttost l-oppost, hija kienet proprju miġbuda lejh minħabba f’hekk.

Elaine kienet miżżewġa iżda xorta waħda bdiet tibni relazzjoni ma’ Hawking. Ir-raġel tagħha dak iż-żmien kien inġinier li kien jismu David fejn jingħad li kien ammiratur kbir ta’ Hawking. Dan ikkontribwixxa fl-iżvilupp tal-apparat teknoloġiku li permezz tiegħu, il-fiżiċist famuż ingħata vuċi. Elaine kienet issiefer kullimkien mal-pazjent intelliġentissmu tagħha u hija ma kinitx taqa’ qalbha minkejja li kien ikun  hemm diffikultajiet kbar biex ikun ittrasportat. 

Il-ktieb jgħid li, “kienet tammira s-saħħa u l-persistenza tiegħu. Kienet tħobb tisimgħu jitkellem u kienet paċenzjuża. Kienet tapprezza l-ħin u l-enerġija li kien juża biex jikkomunika magħha u għalhekk bdiet tiftaħ qalbha miegħu”.

Sigriet kellu jinżamm mistur

Sadanittant mart Hawking, Jane, bdiet relazzjoni extra matrimonjali ma’ Jonathan Hellyer Jones li kien imexxi l-kor ta’ knisja f’Cambridge. Minħabba l-marda ta’ Hawking, Jane kienet tibża’ jkollha x’taqsam miegħu fejn kienet ikkwotata tgħid li, “li jkolli x’naqsam miegħu saret esperjenza tal-biżgħa u vojta. Anke l-ħsieb ta’ sess jinħass li mhuwiex xi ħaġa naturali u l-ġibda lejh spiċċat. Għandu bżonnijiet ta’ tifel żgħir u ġismu qisu ta’ vittma tal-Olokawst”.

L-awtur jgħid kif iż-żwieġ spiċċa mingħajr passjoni u r-relazzjoni bejn Jane u Stephen inbiddlet għal dik ta’ kuratriċi u infermiera u mhux bħala martu. Jingħad li Jane tkellmet ma’ Hawking u spjegatlu għala bdiet ir-relazzjoni barra ż-żwieġ tagħhom u Hawking min-naħa tiegħu aċċetta s-sitwazzjoni. Dan is-sigriet kellu jinżamm mistur bil-għan li l-ħajja familjari tibqa’ privata u ftiehmu li fir-relazzjoni jkun involut kulħadd.

Mlodinow kiteb li dan kien arranġament ġdid, tip ta’ familja estiża. Li Jane ma stennietx kien li Stephen ikabbar aktar din il-familja meta nkluda fiċ-ċirku intimu lil Elaine. Din is-sitwazzjoni kumplessa u stramba ġabret flimkien lil Stephen, Elaine, Jane u Jonathan, flimkien mat-tlett itfal Hawking.

Dan l-arranġament ma reġġiex u fi żmien ħames snin Stephen mar jgħix ma’ Elaine fejn fl-1995 iżżewwġu. Din tal-aħħar qalet lil Mlodinow li ma ridietx tibqa’ l-infermiera ta’ Hawking, iżda kienet tħobb issajjarlu l-ikel favorit tiegħu. L-awtur kiteb li Elaine kienet tħobb iżżommlu idu u minkejja li ma setgħux jorqdu fl-istess sodda, hija kienet tmur ħdejh bil-lejl biex sempliċiment tħares lejh u tmissu. 

Fil-ktieb jissemma’ anke l-fatt li kien hemm xi persuni li ma tantx ħadu gost li Elaine daħlet f’ħajjet Stephen u dan minkejja li saħqet li kienu jinħabbu. Ibnu Tim u bintu Lucy kienet suspettużi ħafna dwar l-intenzjonijiet u l-imġieba ta’ Elaine fejn irriżulta li fis-sena 2000, il-pulizija Ingliża bdiet investigazzjoni wara li kien hemm allegazzjonijiet li Elaine sabbtet id Hawking fuq is-siġġu tar-roti.

Barra minnhekk kien allegat ukoll li kien hemm okkażjonijiet fejn ħallietu jagħmel taħtu u darb’oħra, bi traskuraġni, ħallietu jinżel taħt l-ilma fil-banju b’periklu kbir għal ħajtu.

Allegat abbuż ieħor kien dak li fih jingħad li Jane ħalliet lil Hawking barra fix-xemx fl-aktar ġurnata sħuna tas-sena bil-konsegwenza li qabditu xemxata. L-allegazzjonijiet kienu miċħuda kemm minn Hawking, kif ukoll mill-assistenta tiegħu Judith Croadsell, tant li fl-2004 waqgħu l-akkużi kollha.

Fil-ktieb jingħad li ġara x’ġara, kulħadd kien jaf li r-relazzjoni bejn Hawking u Elaine kienet waħda mimlija turbolenzi. L-awtur stess jirrakkonta kif l-imġieba ta’ Elaine kienet pjuttost erratika u li xi drabi kienet tirrabja malajr. Mlodinow jirrakkonta kif darba minnhom iltaqgħu fi Frankfurt u hija rrifjutat li tieħu sempliċi ritratt u minflok qalet li, “jien m’jien xejn, m’jien ħadd u jiena invilżibbli bħall-arja”.

Kellhom jgħaddu s-snin wara l-mewt ta’ Hawking, biex Elaine bdiet titkellem u tispjega ftit ċertu aġir u kliem min-naħa tagħha. Hija saħqet li r-raġel tagħha kien qisu attur u li kien jitpaxxa meta jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni. “Kellu ħajja diffiċli ħafna, imma kien kuraġġjuż immens. Huwa qatt ma kien igorr, iżda ried ikun dejjem fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Kien iħobb ħafna lin-nies,” spjegat Elaine.

Elaine u Hawking iddivorzjaw fl-2006 wara li dan ix-xjenzat għal darb’oħra sar iħobb mill-infermiera li kienet tikkurah. Din kien jisimha Diana King. 

Ekonomija

Sport