Il-football Malti jinsab f’luttu meta l-Ġimgħa wara nofsinhar tħabbret il-mewt tal-kit manager tat-team nazzjonali, Mark Piscopo, fl-etá ta’ 52 sena.
Piscopo, magħruf b’affezzjoni bħala ‘il-Lullu’, kien figura popolari ħafna fl-Istadium Nazzjonali, dejjem għaddej bil-ħidma tiegħu bi tbissima liema bħalha u ċerta pożittività. It-telfa tal-mewt għall-għarrieda tiegħu se tinħass minn ħafna.
Piscopo kien ilu fir-rwol ta’ kit manager tat-team nazzjonali mid-debutt tiegħu, fit-2 ta’ Settembru, 2010, meta Malta lagħbet kontra Iżrael, f’Tel Aviv. B’kollox huwa kien responasbbli minn 104 logħba għall-players Maltin kollha bil-bżonnijiet tagħhom fid-dressing-room.
Huwa kien partitarju akkanit ta’ Floriana, kien aktar minn kit manager għax kien karattru b’qalb tad-deheb. Flimkien mal-eqreb kollega tiegħu, Frankie Ciantar, huwa dejjem assigura l-aħjar set-up u assistenza lill-players u l-istaff tat-team nazzjonali ‘A’ kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Il-”Lullu” kien ukoll il-qalb u r-ruħ tat-team nazzjonali. Il-profondità tar-rabta bejnu u bejn il-players kienet dejjem evidenti. Huwa kellu karattru kariżmatiku u ċajtier ħafna. Kien il-persuna li dejjem għolla l-moral lil kulħadd fi żminijiet l-aktar diffiċli u dawk kollha li kienu jafuh saru familjari mal-kelma firma tiegħu: “Kuraġġ!”
Fuq is-sit uffiċjali tal-MFA, il-president Bjorn Vassallo qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar Piscopo u l-pożizzjoni speċjali tiegħu fit-team nazzjonali u fil-familja tal-football in ġenerali.
Huwa qal: “Aħna ninsabu ferm mnikkta u sogħbiena bl-aħbar tal-mewt ta’ Mark. Huwa kien aktar minn kollega, kien ħabib mill-qrib li lkoll qsamna ħafna mumenti speċjali miegħu. Jien personalment se ngħożż dawk il-memorji tiegħu matul ħajti kollha.”
“Impossibbli li tpoġġi fi kliem in-niket li dan il-mument iġib miegħu. Is-simpatija li wrew dawk kollha involuti fil-familja tal-football tagħti sens tal-firxa tal-affezzjoni li lkoll kellna lejn il-”Lullu”. Huwa telaq imma l-memorja tiegħu ma tmut qatt.
“F’isem l-uffiċjali, kollegi sħabi, players u staff tal-Malta FA noffru l-kondoljanzi sinċiera lil martu, lil ibnu, lill-familjari u lill-ħbieb tiegħu. Hu se jibqa’ mfakkar b’għożża għas-snin li ġejjin.”