Thursday, March 12, 2026

“It-tifla ħudha miegħek, it-tifel fis-sema” 

Taljan mixli li pprova joqtol liż-żewġ uliedu f’Baħar iċ-Ċagħaq

Aqra wkoll

Ir-raġel ta’ 49 sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil taż-żewġ uliedu, li huma minorenni, kien allegatament ċempel lil omm uliedu wara li seħħ il-każ u qalilha “t-tifla ħudha miegħek, it-tifel qiegħed fis-sema.” 

Dan id-dettall ħareġ fil-Qorti hekk kif tressaq l-imputat – li huwa ta’ nazzjonalità Taljana – b’rabta ma’ każ ta’ attentat ta’ qtil li allegatament seħħ is-Sibt li għadda f’Baħar iċ-Ċagħaq. 

Fis-seduta tal-Ħamis, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ordnat divjet tal-pubblikazzjoni fuq isem l-allegati vittmi, ommhom kif ukoll fuq l-imputat. Dan filwaqt li ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi. 

Minbarra l-akkużi dwar attentat ta’ qtil, l-imputat jinsab mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq iż-żewġ uliedu kif ukoll li żammhom kontra l-volontà tagħhom. 

Fil-bidu tas-seduta, l-Ispettur Kurt Colombo Zahra spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat. Huwa spjega li nhar is-Sibt li għadda, għall-ħabta tal-10.15 p.m., kien infurmat li fl-Għassa ta’ San Ġiljan kienet daħlet mara b’tifla ta’ madwar 10 snin magħha. 

Din it-tifla kienet stqarret mal-Pulizija li l-mara kienet ratha fi Triq il-Kosta titlob għall-għajnuna u ħaditha l-għassa. It-tifla kienet allegat li missierha pprova joqtol lilha, jifgagħha u kien qatel lil ħuha. Qalet ukoll li hi kien irnexxielha taħrab.

It-tifel kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu

Sussegwentement, il-pulizija kienu marru mat-tifla fuq il-post fejn uriethom bejn wieħed u ieħor fejn seħħ l-allegat każ. Bdiet tfittxija għal ħuha li nstab f’kamra fl-inħawi tal-White Rocks. Huwa deher li kellu daqqiet f’rasu u kien hemm ammont kbir ta’ demm.

It-tifel kien iċċertifikat li kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu. Għaldaqstant ittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Sadanittant, l-omm kienet infurmata u marret fuq il-post. 

L-Ispettur Zahra kompla jgħid li l-omm kienet stqarret li kienet għadha kemm irċeviet telefonata mingħand ir-raġel tagħha, l-imputat, fejn dan qalilha “it-tifla ħudha miegħek, it-tifel qiegħed fis-sema”, indikazzjoni li ħaseb li t-tifel kien mejjet.

Intqal li s-suspettat kien ukoll ċempel lill-flatmate tiegħu u dan hekk kif kien għaddej bi proċeduri ta’ separazzjoni mal-mara u mar joqgħod miegħu. 

Ġie spjegat li dan il-persuna kien mar jagħmel rapport dwar persuna nieqsa wara li rċieva telefonata mingħand l-imputat fejn allegatament qallu “ho fatto una grande cazzata” u talbu biex il-flus li għandu fid-dar tiegħu jużahom għall-funeral tiegħu.

L-Ispettur Zahra qal ukoll li l-imputat kien ċempel lil diversi persuni oħra fejn f’dawn il-ħinijiet ta indikazzjoni ta’ dak li allegatament kien għamel lit-tifel u indikazzjoni li kien sejjer itemm ħajtu.

“Dawn il-persuni kollha qalu lill-Pulizija li mit-telefonata nstema’ l-baħar fl-isfond,” qal l-Ispettur Zahra. “Saret ukoll localisation tal-mobile tiegħu, li rriżulta li kien għadu fl-inħawi tal-White Rocks u Baħar iċ-Ċagħaq.”

Il-Pulizija ssoktat bi tfittxija għas-suspettat fejn instab il-vann u anke l-mobile tal-imputat. Il-mobile nstab fuq il-blat viċin il-baħar, li għall-investigaturi kienet ta’ aktar indikazzjoni li s-suspettat, ħaj jew mejjet, kien għadu f’dawk l-inħawi. “Għaldaqstant żammejna preżenza kemm pajżana u anke bl-uniformi,” qal l-Ispettur Zahra. 

Huwa kompla jgħid li t-Tlieta li għadda, għall-ħabta tas-6.40 p.m., ġie osservat l-imputat. Il-pulizija avviċinawh u kkonferma magħhom li kien il-persuna li kienu qed ifittxu.

Is-suspettat deher li kellu ammont ta’ ġrieħi minħabba li kien qed izappap. Wara li ngħata d-drittijiet legali, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn hemm ġie medikat. Irriżulta li l-ġrieħi li kellu kienu kompatibbli ma’ waqgħa.

Inżamm għall-oservazzjoni matul il-lejl u l-għada, fil-11 ta’ Marzu, ġie rilaxxat minn Mater Dei.

“Kellu relazzjoni tajba ma’ wliedu… fl-istqarrija qal li kien iħobbhom”

Meta kien mitkellem mill-pulizija, l-imputat qalilhom li minn meta seħħ l-attentat sakemm ġie arrestat, huwa qiegħed jgħix f’karavan li kien abbandunat fil-White Rocks.

“Hemm kien ukoll kiteb nota… Sibna n-notebook, l-id cards u n-nota fejn hemm jirrakkonta x’ġara s-Sibt filgħaxija u li jiddispjaċih għal dak li għamel lit-tifel,” kompla jgħid l-Ispettur Zahra. 

L-imputat wieġeb għad-domandi li sarulu u ta l-verżjoni ta’ kif seħħ l-allegat każ.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-Difiża, l-Ispettur ikkonferma li l-persuni li tkellmu magħhom kollha qalu li l-imputat kellu relazzjoni ta’ ma’ wliedhom tant li fl-istqarrija qal li kien iħobbhom.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. 

Aktar qabel, il-parte civile kienet talbet li din il-kawża tinstema’ bil-magħluq minħabba l-effett li dawn il-proċeduri jista’ jkollhom fuq l-istess minuri. 

Il-Qorti minħabba n-natura tal-akkużi miġjuba fil-konfront tal-imputat u n-natura ta’ proċedura kriminali li huma bħala prinċipju ġenerali ta’ natura pubblika, ma laqgħetx it-talba f’dan l-istadju. Dan minħabba li tali talba tkun tista’ tkun ikkunsidrata aħjar minn dik il-qorti li quddiemha jkunu qed jinstemgħu l-provi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Anthony Vella, Kaylie Bonett u Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra u Christian Xuereb.

L-Avukati Giannella de Marco u Charles Mercieca dehru għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport