L-omm jidher li għamlet użu minn passaport falz
It-tifla li ma ġietx ritornata lill-familja li kienet qed tieħu ħsiebha tinsab il-Ġermanja wara li ommha jidher li għamlet użu minn passaport falz biex telqu minn Malta.
Skont il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, li taħtu jaqgħu każijiet ta’ ordni ta’ ħarsien, il-minuri kienet tgħix ma’ ‘foster family’ u kellha aċċess mhux sorveljat ma’ ommha għal numru ta’ sigħat is-Sibt u l-Ħadd.
Dan l-aċċess kien possibbli wara deċiżjoni tal-bord ta’ reviżjoni anke wara li t-tifla esprimiet ix-xdwqa li tqatta’ iktar ħin ma’ ommha.
Ġara li wara li ħaditha fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet it-Tnejn 12 ta’ Ottubru il-familja nfurmat lid-Direttorat għall-Kura Alternattiva li l-omm kienet naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar.
Il-ħaddiema soċjali mill-ewwel marru d-dar tal-omm fejn sabu l-bieb imsakkar b’katnazz u kien għalhekk li għamlu rapport lill-Pulizija.
Min-naħa tagħha, il-Pulizija Maltija għamlet kuntatt mal-Europol li tiġbor fi ħdanha pulizija mill-Ewropa u dawn sabu li t-tifla tinsab il-Ġrmanja.
Huwa mifhum li bdew il-proċeduri biex it-tifla u l-omm jinġiebu Malta fejn mistennija jittieħdu passi kriminali kontriha talli kisret l-ordnijiet tal-awtoritajiet lokali.