Sunday, December 22, 2024

It-tifla salvata wara li waqgħet minn fuq dgħajsa se tittieħed l-Isptar Mater Dei b’ħelikopter

Aqra wkoll

Sorsi qrib il-Pulizija t’Għawdex qalu lil talk.mt li t-tifla li waqgħet minn fuq dgħajsa hija residenti l-Mosta u s’issa għadu mhux magħruf kif waqgħet u spiċċat kważi mgħarqa ‘l barra mir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex.

L-istess sorsi qalu li għalkemm s’issa ma ngħatawx il-kundizzjoni tat-tifla, ġew informati li se tkun qiegħda ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter.

Bħalissa tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex qegħdin ilestu kollox biex fil-ħin li ġej it-tifla ttieħed għal aktar kura fl-Isptar Mater Dei.

Uffiċjali tal-Pulizija minn Għawdex qalu lil dan is-sit li l-Pulizija li qed jinvestigaw il-każ se jkunu qegħdin jitkellmu ma’ persuni adulti li kienu fuq id-dgħajsa biex jistabilixxu eżatt x’wassal biex it-tifla taqa’ fil-baħar.

Aktar tard fi stqarrija l-Pulizija qalu li t-tifla tinsab fil-periklu tal-mewt.

Aktar kmieni: Tifla ta’ 3 snin salvata wara li waqgħet minn fuq dgħajsa ‘l barra mir-Ramla l-Ħamra

Tifla ta’ 3 snin ġiet salvata mill-membri tal-ERRC wara li għall-ħabta tas-1.20pm spiċċat waqgħet minn fuq dgħajsa ‘l barra mir-Ramla l-Ħamra.

Talk.mt jinsab informat li t-tifla kienet flimkien mal-ġenituri tagħha fuq id-dgħajsa u għal xi raġuni waqgħet fil-baħar tant li kienet qiegħda tgħereq.

Filwaqt li ġiet salvata mill-Membri tal-ERRC li bħalissa jinsabu wettqu ħidma ta’ salvtaġġ fuq diversi bajjiet f’Għawdex mill-ewwel fuq il-post mar tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex li ħadu lit-tifla għal kura.

S’issa l-kundizzjoni tat-tifla għadha mhix magħrufa.

Ekonomija

Sport