Friday, November 15, 2024

It-Tifun Hinnamnor: Seba’ persuni jitilfu ħajjithom wara li parkeġġ sotterran imtela bl-ilma

Aqra wkoll

Seba’ persuni tilfu ħaj­jithom fil-Korea t’Isfel wara li sfortunatament inqabdu f’parkeġġ sotterran waqt l-għargħar ikkawżat mit-Tifun Hinnamnor. 

Dawn il-persuni marru f’dan il-parkeġġ biex ineħħu l-karozzi tagħhom, iżda sfortunatament spiċċaw inqabdu hemm hekk kif il-livell tal-ilma beda jogħla.

Ħaddiema tas-salvataġġ qalu li huma rnexxielhom isalvaw żewġ persuni li jidher li żammew ma’ pajpijiet li hemm mas-saqaf tal-parkeġġ, u dawn kien ilhom hemm għal xejn inqas minn 12-il siegħa. It-Tifun Hinnamnor huwa l-iktar ċiklun b’saħħtu li laqat s’issa din is-sena, u dan laqat lill-Korea t’Isfel iktar kmieni din il-ġimgħa. Il-ħaddiema tas-salvataġġ kellhom biċċa xogħol diffiċli ħafna hekk kif dawn riedu jgħaddu minn qalb ammont kbir ta’ ilma biex b’hekk setgħu jaċċessaw il-parkeġġ li kważi kien mimli sa fuq bl-ilma. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Yonhap, dawn id-disa’ persuni kienu residenti ta’ blokk ta’ appartamenti fil-viċin u kienu ġew avżati mill-maniġment tal-binja biex ineħħu l-karozzi mill-parkeġġ. Dawk li salvaw huma raġel li għadu madwar 30 sena u mara li għandha fuq 50 sena. 

Il-President tal-Korea t’Isfel Yoon Suk-yeol esprima d-diqa tiegħu għal dak li seħħ u ddeskrivieh bħala “diżastru”. Huwa qal li, “il-lejl li għadda ma stajtx norqod minħabba din it-traġedja”. 

L-inċidenti inkwistjoni seħħ fil-belt ta’ Pohang, li kienet l-iktar li sofriet mill-qilla ta’ dan it-tifun.

Ekonomija

Sport