Saturday, November 23, 2024

IT-TIĠDID FIL-PARTIT LABURISTA

Aqra wkoll

Il-ħtieġa li partit politiku jaġġorna ruħu sabiex ikun f’pożizzjoni li jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk tal-futur hija importanti u essenzjali biex id-demokrazija tibqa’ ħajja u tirrifletti r-realtajiet li jinbidlu maż-żminijiet. Dan jgħodd aktar u aktar meta partit ikun fil-Gvern anki minkejja li jkun hemm is-separazzjoni bejn partit u gvern.

Il-Partit Laburista wasal f’dan il-fażi u fi ftit tal-ġimgħat oħra se jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali li fiha se jsiru bidliet fid-Deputati Mexxejja tal-partit u u kif ukoll ħatriet oħra fl-amministrazzjoni tal-partit. Dawn l-elezzjonijiet diġà hemm stennija kbira għalihom, b’mod partikolari wara r-riżultat elettorali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Kien evidenti li f’dawn l-elezzjonijiet il-poplu tkellem bl-aktar mod ċar. Filwaqt li wera li għad għandu fiduċja assoluta fil-Partit Laburista sabiex ikompli jmexxi lil dan il-pajjiż, il-poplu jrid jara aktar tiġdid u verżjoni aħjar tal-Partit Laburista.

Għalhekk nemmnu li l-messaġġ tal-poplu, qabel xejn se jkun rifless fil-karigi li se jimtlew fil-ġimgħat li ġejjin. Għaldaqstant, il-ħidma trid tibda minn issa.
Nemmnu li dan it-tiġdid tal-partit Laburista għandu jwassal biex ikun lest u ppreprat mhux biss għall-isfidi mumentarji imma wkoll għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, minn hawn u sentejn u nofs oħra. Nifhmu wkoll li l-element żagħżugħ se jkun parti kruċjali minn dan it-tiġdid fi ħdan il-partit.

Diġà rajna sinjali f’din id-direzzjoni, fosthom fl-elezzjonijiet tal-PE meta ġew eletti żewġ MEPs fi ħdan il-PL li huma relattivament żgħażagħ, l-istess bħalma rajna fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali b’numru ta’ Sindki u Kunsilliera ġodda ta’ eta żgħira.

Dawn jingħaqdu ma’ oħrajn li diġà għandhom esperjenza fil-politika u b’hekk din it-taħlita tal-ideat mal-esperjenzi hija importanti ferm biex jaħdmu għall-aħjar interess taċ-ċittadini.

Għalhekk, f’dan il-proċess kollu huwa ttamat li l-Partit Laburista jifhem sew il-messaġġ tal-poplu, x’jixtiequ jaraw aktar in-nies u jagħżel l-aħjar tim possibbli biex pajjiżna jkompli jikseb aktar suċċessi fil-ġejjieni.
Wara kollox, dawn l-aħħar 11-il sena tal-Partit Laburista fil-Gvern kienu karatterizzati minn riforma wara l-oħra.

M’aħniex qed ngħidu li kollox kien ward u żgħar f’dawn l-aħħar snin.
Anzi, meta u fejn kien hemm bżonn, il-partit ħa t-tagħlimiet li kellu jieħu u hekk irid jerġa’ jagħmel f’din il-fażi li jinsab fiha bħalissa. Nistennew u naraw x’se jkunu d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu u t-tibdil eventwali li se jkun qiegħed isir.

Sport