Friday, December 27, 2024

IT-TIĠDID FIL-PARTIT LABURISTA… L-AĦĦAR LOGĦBA ĊESS QABEL L-ELEZZJONI ĠENERALI

Aqra wkoll

Fid-dinja kumplessa tal-politika l-bidliet interni fi ħdan partit fil-gvern mhumiex biss aġġustamenti ta’ rutina imma fil-verità huma mossi strateġiċi. Dawn il-mossi huma logħba li tiddetermina l-futur ta’ nazzjon.

L-istess bħal fiċ-ċess, kull bidla fir-rwoli, kull ħatra ġdida u kull riżenja mhux mistennija huma manuvra kkalkulata maħsuba biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-partit, jegħleb lill-avversarji u javvanza lejn ir-rebħa.

Rebħa li finalment hija dik elettorali. Il-mira tat-tibdil fi ħdan partit, hekk kif qiegħed jagħmel il-Partit Laburista fil-Gvern, finalment hija dik li jevolvi, jissaħħaħ u jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Fil-11-il sena li l-Partit Laburista kien fit-tmun ta’ pajjiżna rajna pajjiż b’saħħtu, rajna titjieb fil-kwalità tal-ħajja tan-nies u rajna tibdil li kien meħtieġ fuq diversi sferi. F’dawn is-snin il-Gvern ħa ħsieb liż-żgħir.

Ħa ħsieb li l-prinċipji ta’ gvern min-nies għan-nies iżommhom u jipprattikahom. Dan anke jekk xi drabi deher ikrah quddiem min m’għandux il-vera interess tal-ġid ta’ pajjiżna bħala nazzon.

F’dawn l-aħħar ġimgħat smajna lill-Prim Ministru jisħaq fl-importanza tat-tiġdid fi ħdan il-partit li jmexxi. Fil-qalba ta’ kull partit politiku hemm il-mexxej tiegħu. Dan il-mexxej huwa l-Prim Ministru li bħala “r-Re” f’pożizzjoni ċentrali tal-logħba ċess, jara li jmexxi tajjeb u b’mod strateġiku.

Iżda, dan jiddependi mill-appoġġ u prestazzjoni tal-membri l-oħra u huwa għalhekk li huwa vitali jkun hemm deċiżjonijiet, tibdil u tiġdid anke fost delegati u uffiċjali ta’ partit. Il-pożizzjoni tar-Re nemmnu li hija kritika għax jekk dan jitlef, tispiċċa l-logħba. Tintilef l-elezzjoni. 

Għaldaqstant, min qiegħed jaħseb li t-tiġdid intern fil-Partit Laburista jfisser inkwiet, firda jew instabbiltà, dan qiegħed imur żmerċ. Dan it-tiġdid nemmnu li qiegħed isir biex il-Gvern jibqa’ rilevanti, jissaħħaħ u jimplimenta l-miżuri li se jwassluh għar-rebħa oħra. 

Fl-aħħar mill-aħħar, kull mossa fi ħdan il-partit issir b’għajnejha fuq l-aħħar logħba – l-elezzjoni ġenerali. Hekk kif plejer taċ-ċess jipprepara għall-mossi finali li se jassiguraw ir-rebħa, partit politiku jorganizza mill-ġdid il-biċċiet tiegħu biex jimmassimizza ċ-ċansijiet tiegħu fil-votazzjoni.

Bidliet interni, kemm jekk jinvolvu s-sostituzzjoni ta’ figuri ewlenin jew il-promozzjoni ta’ talent ġdid, huma kollha parti minn strateġija usa’ biex jiġi allinjat il-messaġġ tal-partit, jissolidifika l-bażi tiegħu u jippreżenta front magħqud lill-elettorat. 

L-endgame hija t-tħejjija għall-elezzjoni li jmiss. Wieħed issa jrid jara jekk dan it-tiġdid huwiex se jkun biżżejjed biex il-Partit Laburista jerġa’ jikseb il-fiduċja ta’ elettorat. L-isfidi qegħdin hemm imma, hekk kif wera fis-snin preċedenti, il-Partit Laburista lest li jilqa’ għalihom u joħroġ rebbieħ. Nistennew u naraw.

Ekonomija

Sport