Fil-Polonja, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo attenda għall-Kunsill Informali tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-Unjoni. Il-laqgħa ffukat fuq il-ħtieġa tat-tiġdid ġenerazzjonali bħala pedament għall-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni fis-settur agrikolu.
Il-Ministru Refalo sostna li f’dinja li qed tiffaċċja sfidi ambjentali, hemm bżonn urġenti li jappoġġjaw l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u approċċi innovattivi. “It-tiġdid ġenerazzjonali m’għadux għażla iżda huwa essenzjali biex nassiguraw settur agrikolu sostenibbli u reżiljenti,” sostna l-Ministru Refalo.
Il-Ministru kompla li ż-żgħażagħ iġibu magħhom enerġija ġdida, ħiliet diġitali u impenn qawwi favur is-sostenibbiltà. Fl-istess waqt, aktar innovazzjoni fis-settur jista’ wkoll jattira aktar żgħażagħ biex jibnu karriera fis-settur agrikolu. “Sabiex dan isir realtà, hemm bżonn li jiġu indirizzati l-aċċess għall-art, għall-ilma u għall-finanzjament. Għaldaqstant, Malta tappella għal aktar flessibbiltà legali fil-livell Ewropew biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw miżuri adatti għar-realtajiet lokali tagħhom,” sostna l-Ministru.
Huwa enfasizza l-importanza li jkun hemm politika Ewropea li tagħti appoġġ finanzjarju effettiv, b’mudell ta’ pagamenti diretti u impenji agri-ambjentali-klimatiċi li jkunu orjentati lejn ir-riżultati u mhux biss fuq id-daqs tal-art.
Il-Ministru Refalo sostna wkoll li t-tiġdid ġenerazzjonali huwa wkoll bżonn soċjali. “Għandna naġixxu b’determinazzjoni, nagħtu s-setgħa u l-fiduċja liż-żgħażagħ tagħna, biex niżguraw li l-biedja ta’ għada tkun aktar innovattiva, inklużiva u reżiljenti,” temm jgħid il-Ministru Refalo.