Monday, December 23, 2024

IT-TIĠDID U L-ĠID KOMUNI

Aqra wkoll

Jekk wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni fl-Ewropa se jara poplu li xejn mhuma kuntenti bil-gvernijiet tagħhom. Qegħdin naraw poplu li bidlu saħansitra l-gvern imma l-problema fis-soċjetà tant daħu l-ġewwa li l-istess popli mhux kuntenti bil-gvern il-ġdid u niżlu jipprotestaw. Ir-raġuni huma diversi. Bla dubju imma fattur li sisu komuni hu id-dgħjufija tal-kwalità tal-ħajja. Illum il-poplu f’għadd ta’ pajjiżi inkluż f’pajjiżna jgħidulek, li l-kwalità tal-ħajja naqset. Ir-raġuni għal dan huma diversi u jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.

F’pajjiżna il-poplu tagħna, ilu juri sinjali li mhux kuntent b’dak li għaddej. Saħanistra wassal messaġġ ċar fl-aħħar elezzjoni billi sabbat saqajh. Deċiżjoni li sezzjonijiet sħaħ tal-poplu ħaduha mhux biss għax l-affarijiet bdew jarawhom ħażin, mhux għax il-kwalità tal-ħajja naqset. Id-deċiżjoni ħaduha għax minkejja l-messaġġi li taw ħadd ma tahom widen. Baqgħu jaraw sitwazzjonijiet ta’ telqa u apatija. Infurzar f’dan il-pajjiż donnu ma jeżistix. Tirrapporta kemm tirrapporta tibqa’ bla sodisfazzjon. Ħadd ma jmerik meta tirrapporta, iżda wara xejn ma jinbidel. Wieħed jista’ jħares lejn il-Korp tal-Pulizija, kemm ikun hemm sitwazzjonijiet fejn il-poplu ma jħossux sodisfatt? Kemm sitwazzjonijiet fejn persuni irrappurtaw iżda ħassew li dan waqa’ fuq widnejn torox. Kemm ilmeni fuq storbju żejjed u qawwi minn stabbilimenti tad-divertimenti. Minkejja dan tmiem il-ġimgħa wara tmiem il-ġimgħa dań l-inkonvenjent jibqa għaddej, inkonvenjent li mhux qed jolqot post wieħed imma diversi.

Diversi huma dawk li jistaqsu imma x’qed jiġri? Kif ġara f’għadd ta’ pajjiżi, il-prinċipji twarrbu. Il-partit politiċi warrbu l-prinċipji biex jintgħoġbu ma’ numru żgħir ta’ individwi b’saħħithom – fin-negozju, kuntratturi. Dawn żgur li ma jħaddnux prinċipji xellugin, imma jħaddnu l-prinċipju ewlieni tas-suq. Dak ta’ profitti u aktar profitti.

Waqt li sar dan maż-żmien bdejna naraw ċerti oqsma sejrin lura. Għandek il-kwistjoni tat-traffiku. L-ambjent. Il-parkeġġi u n-nuqqas tagħhom. Il-problemi li reġgħu inqalgħu bil-provvista tal-elettriku. L-inkonvenjenzi kbar mill-kostruzzjoni sfrenata u l-għoli tal-ħajja. Ma’ dan imbagħad għandek il-morali u l-etika li marru l-baħar. Tinħass ġirja sfrenata biex min jista’ jagħmel lira ta’ malajr.

Ma’ dawn imbagħad għandek problemi soċjali li qegħdin jerfgħu rashom bħad-dipressjoni, is-solitudni, u l-abbuż mid-droga u l-alkohol. Hemm ukoll il-burokrazija li dejjem qiegħda tiżdied f’ċertu dipartimenti. Għandek dipartimenti, fejn f’xi każijiet timxi mod u f’każijiet oħra tfittex ix-xagħra fl-għaġina. Ma’ dawn il-prekarjat u l-isfruttament tal-ħaddiema. Il-martirju li tgħaddi minnu meta tiġi bżonn il-banek.

Huma dawn is-sitwazzjonijiet li wasslu għal vot ta’ rabja u protesta kontra. Għax in-nies qegħdin iħossu issa aktar minn qabel li biex inqdew il-ftit, twarrbu prinċipji li kien sagrosanti. Il-poplu llum qiegħed iwassal il-messaġġ li xeba bil-politika pro business li qed titpoġġa qabel l-interessi taċ-ċittadin komuni.

Il-prinċipju tal-meritokrazija, ukoll hi xi ħaġa li l-poplu qiegħed jitkellem dwarha.

Wara t-tisbit tas-saqajn, il-poplu jistenna azzjoni. Irid li tispiċċa s-sistema li xi ħadd kif jgħid il-Malti jurik id-debba u jqabbiżlek il-ħmara. Il-poplu irid jisma’ l-verità. Ma jridx aktar tidwir u tgħawwiġ. Irid it-trasparenza. Li kulħadd jkun stmat l-istess hu fejn hu fis-soċjetà.

Ovvjament bit-tgergir biss ma naslu imkien. Wasal iż-żmien li min imexxi jiddiskuti l-etika u l-moralità, u fuq x’hiex irridu nibnuhom mill-ġdid. Bejnietna għandna ħafna differenza, imma wasal iż-żmien li naraw x’inhuma l-valuri u l-prinċipji li jgħaqqduna. Irridu naraw eżattament x’nifhmu bil-ġid komuni u nanalizzaw jekk dak li qed isir hux verament fl-interess tal-ġid komuni.

Proprju fl-aħħar jiem rajna żviluppi, deskritti bħala li għandhom iwasslu għal tiġdid. Għax ngħiduha kif inhi kull partit irid kull tant żmien iġedded lilu nnifsu. Irid jinżabar u jneħħi dawk il-friegħi li ma taw ebda frott. Friegħi li kienu żejda. Nittamaw li dan il-proċess ta’ tiġdid, iwassal biex il-poplu tagħna jkollu qabża l-quddiem u dak li qed idejqu llum ikun trattat.

Ekonomija

Sport