Il-Kampjonat Nazzjonali SEAJET SB20 2024/2025 ġie konkluż aktar kmieni dan ix-xahar, b’rebħa storika għat-tim femminili Boost Stella Maris.
Għalkemm it-tlielaq finali, li kellhom isiru s-Sibt 14 u l-Ħadd 15 ta’ Ġunju, ġew ikkanċellati minħabba n-nuqqas ta’ riħ, it-tim Boost Stella Maris żamm il-vantaġġ biex rebaħ il-Kampjonat.
It-tim Boost Stella Maris huwa magħmul minn ekwipaġġ b’talent u esperjenza: Gabriella Mifsud (Skipper), Mattea Ciantar, Emilie Gregory u Anna Basalkina. Din tal-aħħar hija atleta tal-klassi Olimpika li ħadet sehem fl-Olimpjadi tas-Sajf tal-2000 u hija rebbieħa tal-medalja tal-fidda fil-Kampjonati Dinjija.
Matul l-istaġun, it-tim Boost Stella Maris – li huwa proprjetà ta’ Mario Debono – wera prestazzjonijiet teknici u konsistenti f’kull regatta, u dan wassalhom biex jirbħu il-Kampjonat Nazzjonali SEAJET 2024/2025.
B’din ir-rebħa, it-tim Boost Stella Maris issa kkwalifika biex jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati Ewropej tal-SB20 fil-Belġju f’Awwissu li ġej, bil-parteċipazzjoni ssir possibbli grazzi għall-appoġġ ta’ SportMalta.
Fit-tieni post ġie t-tim tal-Università ta’ Malta mmexxi minn Duncan Camilleri, filwaqt li t-tielet post intrebaħ minn Team Panda ta’ Adrian Gauci Borda.
Il-klassi SB20 tirrappreżenta l-akbar flotta ta’ keelboats tal-istess disinn (one design) f’Malta, fejn ir-rebħa tiddependi biss minn min jasal l-ewwel fil-linja finali – mingħajr handicaps jew sostituzzjonijiet. Kull tim jikkompeti bl-istess ekwipaġġ matul it-tlielaq kollha, biex tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta u eċċitanti.
Il-Kampjonat Nazzjonali SEAJET għall-istaġun 2025/2026 jerġa’ jibda f’Ottubru, b’żieda mistennija fil-parteċipazzjoni.
Bħalissa hemm disa’ timijiet li jikkompetu regolarment, iżda b’15-il dgħajsa SB20 bbażati f’Malta u interess dejjem jikber mill-klabbs tal-ibburdjar lokali, il-flotta kkompettitiva mistennija tikber, anki minħabba l-fatt li din il-klassi qeda tattira bosta baħħara ewlenin ta’ Malta – fosthom veterani tar-Rolex Middle Sea Race.
L-istaġun 2024/2025 intemm b’ċelebrazzjoni organizzata fil-Royal Malta Yacht Club, fejn il-President tal-Assoċjazzjoni SB20 Malta, Steve Carter, ppreżenta t-trofej lir-rebbieħa.
“L-Assoċjazzjoni SB20 Malta tirringrazzja bis-sħiħ lill-isponsors tagħha – b’mod speċjali lil Ken Donaldson mid-Dockshop u lil Emma Tax ta’ SEAJET. ” qal Steve Carter. “L-impenn fit-tul tagħhom kien kruċjali għat-tkabbir u s-suċċess ta’ dan il-kampjonat. Irrid ukoll nirringrazzja lir-Race Officers Martin Azzopardi u Michelle Caruana, kif ukoll lill-voluntiera tagħna li mingħajr ix-xogħol tagħhom dawn ir-regattas ma jkunux possibbli.”
Il-Kampjonat Nazzjonali tal-SB20 huwa organizzat taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar.