It-tim legali tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat se jmur ir-Renju Unit meta tkun identifikata data li fiha l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, l-Irlandiż, Jeremy Harbinson se jkun qiegħed jintalab jixhed bil-video conference mal-Qorti f’Malta.
Din il-ġimgħa bi qbil bejn il-Maġistrat Rachel Montebello, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-avukati tad-difiża ġew identifikati d-19 ta’ Novembru, l-24 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru bil-għan li l-Qorti Ingliża tagħżel waħda minnhom sabiex ikun jista’ jixhed Harbinson.
Sa issa l-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi għadhom ma qalu xejn dwar il-post li minnu se jintalab imur jixhed l-espert Irlandiż. Il-Maġistrat Montebello iżda ordnat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex kif isir jaf id-dettalji tal-post, jgħaddi din l-informazzjoni lill-avukati tad-difiża.
Jeremy Harbinson l-ewwel kien qal li ma jistax jiġi Malta għax għandu l-mara marida, iżda ma ppreżentax ċertifikati meta mitlub jagħmel dan. Imbagħad qal li jibża’ jiġi Malta, u wara qal li m’għandux warrant biex jixhed.
Mhux magħruf issa hux se jippreżenta ruħu fil-Qorti Ingliża u x’se jgħid wara li l-esperti kollha sħabu indikaw lilu bħala li kien responsabbli tar-rapport li tiegħu tħallas €11 miljun.
Harbinson kien anki talab lill-Qorti biex ma tagħmilx kuntatt iktar miegħu għax skont hu din il-pressjoni kienet qed taffettwa ħażin is-saħħa mentali tiegħu u ta’ martu.
Kien wara pressjoni qawwija mill-avukat tad-difiża li l-Qorti talbet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jibda proċeduri mal-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit, bil-għan li jsiru l-arranġamenti sabiex Jeremy Harbinson jixhed bil-video conference mir-Renju Unit.
Fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta, li l-espert Irlandiż għamel xhur sħaħ jgħid li ma jridx ikollu x’jaqsam iktar miegħu, inħarġu sensiela ta’ akkużi mill-aktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.