Wara prestazzjoni rekord fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru fl-Andorra, fejn it-Tim Malti tal-Atletika kiseb xejn inqas minn 19-il midalja (tlieta tad-deheb, 11 tal-fidda u ħamsa tal-bronż) – it-tim issa telaq lejn Maribor, Slovenja, fejn se jikkompeti fit-Tielet Diviżjoni tal-Kampjonata Ewropej tat-Timijiet.
Il-kontinġent Malti għal din il-kompetizzjoni, li ssir darba kull sentejn, tinkludi 31 atleta u tmien uffiċjali. Wara li pajjiżna temm fis-seba’ post fl-2021 u fil-ħames post fl-2023, it-tim kellu tamiet kbar li jissielet għall-promozzjoni din is-sena. Madankollu, ħames atleti ewlenin mit-tim kellhom jirtiraw minn dan l-avveniment minħabba raġunijiet personali, fattur li se jagħmel dan l-oġġettiv aktar diffiċli.
Minkejja dan, it-tim huwa impenjat li jwettaq prestazzjoni tajba u se jikkompeti fl-avvenimenti kollha, 18 kull wieħed għan-nisa u l-irġiel, kif ukoll ir-relay imħallta 4x400m.
Għall-ewwel darba fil-istorja ta’ Team Malta f’kompetizzjoni internazzjonali, ġew appuntati żewġ team captains: Luke Bezzina u Gina McNamara. Dawn iż-żewġ atleti kienu strumentali għas-suċċessi ta’ Malta fl-aħħar snin u huma magħrufa għas-sens ta’ tmexxija u spirtu kollettiv tagħhom.
It-tim huwa mmexxi mill-Kap tad-Delegazzjoni u t-Teżorier ta’ Athletics Malta Darren Micallef u d-Direttur Tekniku Mario Bonello.
Il-parteċipazzjoni tat-Tim Malti f’dawn il-Kampjonati hija appoġġjata minn SportMalta.