It-tim nazzjonali Malti tela’ post wieħed fil-Klassifika Dinjija tal-FIFA wara aġġornament tal-klassifika nhar il-Ħamis 10 ta’ Lulju 2025.
It-Tim Nazzjonali tela’ fil-168 post fil-klassifika wara t-tieqa internazzjonali ta’ Ġunju fejn Malta rreġistrat draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Litwanja u sofriet telfa kontra l-ġganti Ewropej l-Olanda.
Skont il-klassifika, Malta tinsab fil-51 post fl-Ewropa, qabel Andorra (174 post), Ġibiltà (199 post), Liechtenstein (204 post) u San Marino (210 post).
It-Tim Nazzjonali mhux ’il bogħod mill-Moldova (154 post), u għalhekk it-tieqa internazzjonali ta’ Settembru tirrappreżenta opportunità għal Malta biex tkompli titla’ fil-klassifika.
Il-logħba li jmiss għal Malta hija logħba barra minn darha fil-Kwalifikazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, fejn tivvjaġġa lejn il-Litwanja għall-partita fl-4 ta’ Settembru 2025 fid-8.45pm. Din it-tieqa se tinkludi wkoll logħba kontra avversarji li għadhom iridu jiġu determinati.