It-tim nazzjonali Malti tal-futsal jilgħab l-aħħar logħba tiegħu fir-round ewlieni tal-Kampjonat Ewropew meta fil-Padiljun tal-Universita’ f’Tal-Qroqq jaffaċċja lil Belarus.
Din se tkun it-tieni logħba bejn dawn iż-żewġ naħat fi spazju ta’ xahrejn hekk kif fi Frar li għadda, il-Maltin ġew megħluba 5-0 mill-istess avversarji. Dakinhar, Sergei Krikun kien skorja doppjetta personali għal Belarus sabiex Vladislav Selyuk, Dmitri Shimanovski u Artem Yakubov kienu għaqqdu l-iskor għat-tim li qiegħed fl-ewwel post tal-klassifika ta’ grupp 2.
Il-Belarus ġejjin minn rebħa tajba ta’ 2-1 fil-konfront dirett kontra l-Italja sabiex prattikament qatgħu passaġġ għall-fażi oħra ta’ din il-kompetizzjoni.
Min-naħa tagħhom, Malta tilfu l-ħames logħbiet li lagħbu kontra l-Italja (11-1 u 5-1), kontra l-Finlandja (5-0 u 7-0) u kontra l-Belarus (5-0).
Il-klassifika preżenti ta’ dan il-grupp jara lil Belarus fl-ewwel post bi 13-il punt, segwiti mill-Italja b’10 punti, Finlandja b’6 punti u Malta mingħajr l-ebda punt.
Il-logħba se tibda fis-7pm u tixxandar b’mod dirett fuq TVM Sport +.