It-tim nazzjonali Malti tal-Futsal ta’ taħt id-19-il sena tela’ biex jilgħab fi Grupp A mal-Litwanja, l-Ingilterra, u l-Estonja fl-ewwel kompetizzjoni tal-gruppi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA għal dan it-tim ta’ żgħażagħ.
Il-grupp ta’ kwalifikazzjoni f’dan ir-Rawnd Preliminari għal Malta U19 fil-Litwanja huwa skedat bejn is-17 u t-22 ta’ Jannar.
It-tim Nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena beda xhur ilu t-tħejjijiet tiegħu għal din il-kompetizzjoni kbira, u dan l-istaġun qed jieħu sehem ukoll fil-kampjonat domestiku tal-FMA, bl-għan ewlieni jkun li ż-żgħażagħ tagħna li jirrappreżentaw lil Malta f’dan il-livell jiksbu aktar esperjenza, jgħollu l-istandards tagħhom, u jiksbu l-ħin tant meħtieġ ta’ logħob qabel dan it-tournament internazzjonali li jinsab għaddej bħalissa.
Il-poloz li ttellgħu llum il-Ħamis se jwittu t-triq għall-finali tal-2023 skedati li jiġu kkontestati f’Settembru tas-sena d-dieħla.
Rekord ta’ 36 tim daħlu fil-Kampjonat Ewropew tal-Futsal ta’ taħt id-19-il sena tal-UEFA tal-2023 b’35 se jikkompetu biex jingħaqdu mal-ospiti l-Kroazja fil-finali fi Žatica Arena f’Porec, skedati mit-3–10 ta’ Settembru tas-sena d-dieħla.
Malta U19 tingħaqad mal-Ġermanja bħala d-debuttanti fir-Rawnd Preliminari ta’ din il-kompetizzjoni.
Il-Kap tal-Futsal fi ħdan l-MFA Mark Marlow attenda għall-poloz f’Nyon il-Ħamis wara nofsinhar.