It-tim nazzjonali tal-Veterani kiseb rebħa ta’ 11-2 f’partita internazzjonali ta’ ħbiberija kontra MNK Bol Brac li ntlagħbet fil-grawnd tal-Mellieħa.
Il-Veterani Maltin iddominaw il-partita fejn sal-ewwel taqsima kienu diġa’ 6-0 minn fuq. Hawnhekk spikka l-iskor prolifiku Jean Pierre Mifsud Triganza li skorja erba’ gowls b’Ian Zammit u l-aqwa plejer tal-partita Adam Smeir li skorjaw doppjetta kull wieħed. Daniel Cremona, Kevin Sammut u Gareth Magri għaqqdu l-iskor għat-tim immexxi minn Joe Micallef.
Il-Maltin bdew b’din il-formazzjoni: Clint Camilleri, Dylan Falzon, Jonathan Pearson, Daniel Scerri, Jonathan Bondin, Kevin Sammut, Chris Camilleri, Adam Smeir, Daniel Cremona, Jean Pierre Mifsud Triganza, Ian Zammit. F’xi ħin mill-partita daħlu jilagħbu Glenn Bonello, Gareth Magri u Ryan Darmanin.

