It-tim nazzjonali tal-Veterani mmexxi minn Joe Micallef rebaħ il-Bobby Charlton Memorial Cup wara li għeleb lil Middlesex Wanderers 5-1.
Din il-logħba, li ntlagħbet fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun, kellha għan nobbli minħabba li kienu qed jinġabru flus għal Puttinu Cares.
Malta marru minn fuq permezz ta’ George Frendo sabiex man-nofs siegħa logħob, Kevin Sammut għamilhom 2-0. L-istess plejer skorja t-tielet gowl qabel il-mistrieħ bi ġmiel ta’ freekick li bih għeleb lill-goalkeeper ta’ Middlesex Wanderers.
It-tim Ingliż ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Sam Deering.
Minkejja kollox, il-Maltin baqgħu konsistenti u żiedu żewġ gowls oħra permezz ta’ Jean Pierre Mifsud Triganza u penalty ta’ Brian Said.
Dan kien staġun ferm pożittiv għall-Veterani Maltin li rebħu kull logħba li lagħbu inkluż żewġ rebħiet barra minn darhom fi Sqallija u Wales.