Saturday, December 21, 2024

It-Tim tal-LifeCycle Challenge 2023 jivvjaġġa bl-Emirates

Aqra wkoll

Emirates, l-akbar linja tal-ajru internazzjonali fid-dinja, din is-sena kienet strumentali għal-LifeCycle Challenge 2023 li sar fix-Xlokk tal-Asja. Permezz tan-netwerk estensiv tagħha, l-iskedar effiċjenti, u d-dedikazzjoni għall-preċiżjoni f’kull dettall, Emirates kellha rwol ċentrali biex tiffaċilita l-loġistika tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti u tal-merkanzija, u tiżgura t-twettiq bla xkiel tal-isfida.

Il-LifeCycle Challenge beda fit-Tajlandja, fejn 18-il ċiklist u t-tim ta’ back up tagħhom bdew l-isfida biex ikopru rotta ta’ 2,000 kilometru minn Bangkok sa Kuala Lumpur fil-Malasja fuq perjodu ta’ għaxart ijiem. L-għan kien li jinġabru fondi b’risq pazjenti li jbatu minn mard tal-kliewi, biex jappoġġaw ir-riċerka medika, u biex titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa u l-mard tal-kliewi. Il-LifeCycle Challenge tal-2023 kienet it-23 edizzjoni ta’ din l-isfida ​​ta’ ċikliżmu u reżiljenza li saret avveniment annwali fil-kalendarju tal-attivitijatiet sportivi f’Malta.

It-tim tal-LifeCycle Challenge telaq minn Malta fuq titjira tal-Emirates lejn Dubai nhar il-Ħamis, 23 ta’ Novembru, u minn Dubai qabdu titjira tal-Emirates lejn Bangkok. L-Emirates kienet kruċjali wkoll fl-immaniġġjar tal-kompitu kkomplikat tat-trasport tar-roti u provvisti oħra essenzjali għall-isfida. Mill-bankijiet taċ-check-in sal-istivi tal-merkanzija, Emirates żgurat li kull biċċa tagħmir tasal fid-destinazzjoni b’mod sikur u fil-pront, u b’hekk il-parteċipanti setgħu jiffokaw fuq il-missjoni li kellhom.

B’ġest mhux mistenni, it-tim tal-LifeCycle Challenge irċieva sorpriża ħelwa li kompliet tgħollihom il-moral meta ġew ippreżentati b’kejk delizzjuż mill-ekwipaġġ, kortesija tal-uffiċċju tal-Emirates f’Malta. Fit-tmiem tal-isfida, it-tim vjaġġa lura d-dar fuq titjira minn Kuala Lumpur għal Dubai, u minn Dubai għal Malta fit-8 ta’ Diċembru, fejn kien hemm tistennihom merħba mill-familjari u ħbieb fis-sala tal-wasliet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Ekonomija

Sport